Għawdex Qorti

Mixli fil-Qorti ta’ Għawdex wara li saq għal fuq Kuntistabbli fil-festa ta’ Kerċem

Gregory Stellini, ta’ 54 sena minn Kerċem Għawdex, dalgħodu tressaq il-Qorti ta’ Għawdex b’rabta ma’ inċident li seħħ il-Ħadd li għadda f’Kerċem, waqt il-festa tal-lokal. Hu tressaq quddiem il-Maġistrat Joanne Vella Cuschieri akkużat li pprova jweġġa’ jew iferi Kuntistabbli tal-Pulizija billi saq għal fuqu bit-trakk tiegħu.

Stellini, li hu eks suldat, kien mixli li hekk kif waslet biex tintemm il-Festa ta’ Kerċem, iddedikata lill-Madonna tas-Sokkors, ipprova jgħaddi minn triq magħluqa. Il-Kuntistabbli Savio Vassallo waqqfu biex ma jgħaddix, iżda minħabba li l-akkużat baqa’ jargumenta, Vassallo spiċċa biex tah ċitazzjoni. Kien f’dan il-mument li Stellini allegatament saq għal fuqu.

Stellini kien akkużat ukoll li saq b’mod traskurat, inġurja Kuntistabbli ta’ Pulizija u ma obdiex l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija. Hu ngħata l-libertà proviżorja fuq garanzija personali ta’ €3,000 u ġie ordnat li jiffirma l-Għassa tal-Pulizija tar-Rabat Għawdex kull nhar ta’ Erbgħa. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Bernard Spiteri, filwaqt li Stellini hu assistit mill-Avukat Deborah Mercieca.