Lokali Saħħa

Pazjenta f’Monte Carmeli ssofri feriti wara li kienet attakkata minn pazjenta oħra

L-isptar Monte Karmeli

In-nuqqas kroniku ta’ infermiera fl-Isptar Monte Carmeli qed iwassal għal żieda f’inċidenti minħabba li hemm anqas staff li jikkontrolla l-istess numru ta’ pazjenti. MaltaRightNow.com jinsab infurmat li fil-ġranet li għaddew, fis-Sala tan-Nisa, pazjenta sofriet feriti wara li kienet attakkata minn pazjenta oħra.

Sorsi li tkellmu magħna qalu li l-inċident ġara meta pazjenta partikolari kienet qed tingħata għajnuna minn infermieri u kienet qed tkun diffiċli, tant li pazjenta ohra ppruvat taghti l-għajnuna u sfat attakkata. Hu mifhum li l-pazjenta sofriet xi gdim f’idejha u kellhom isirulha l-ponti.

Milli jidher, dawn l-inċidenti qed jiżdiedu għax l-infermieri stazzjonati fis-swali differenti huma ftit wisq biex ilaħħqu mal-esiġenza tax-xogħol f’sala ta’ sptar mentali. Skont l-istess sorsi, jidher li qatt ma jkun hemm aktar minn tliet infermieri f’sala partikolari tal-Isptar Monte Carmeli.