Lokali

Ritratti: Karozza titħalla timblokka parti mix-Xatt ta’ Ta’ Xbiex 24 siegħa wara li ħabtet ma’ ‘pot’ tal-konkrit

Inċident tat-traffiku li seħħ fi triq ewlenija fl-Imsida wassal biex il-vettura nvoluta baqgħet timblokka parti mit-triq għal kważi 24 siegħa. Ritratti mibgħuta lil MaltaRightNow.com minn persuni li kienu għaddejjin mix-Xatt ta’ Ta’ Xbiex juru kif il-vettura ħabtet ma’ wieħed mill-pots tal-konkrit li jinsabu fuq il-bankina u li għandhom fihom is-siġar.

Informazzjoni li għandu MaltaRightNow.com tgħid li l-vettura kienet misjuqa minn raġel ta’ 34 sena mis-Sudan, li għal xi raġuni tilef il-kontroll tal-vettura tat-tip Hyundai u ħabat fil-pot. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-7.15am, iżda l-Pulizija kienu nfurmati bil-każ għall-ħabta tat-7.45am. Malli waslu fil-post, il-Pulizija sabu lis-Sudaniż jistenniehom, li jidher li ma sofra l-ebda feriti mal-ħabta.

Wara li tkellem mal-Pulizija, is-Sudaniż kien arrestat, possibilment minħabba li kien taħt l-effett tal-alkoħol. Minn dak il-ħin, il-vettura tħalliet fil-post, bit-tieqa tax-xufier miftuħa. Dan wassal biex għal ħin twil matul il-ġurnata, kien hemm konġestjoni tat-traffiku, speċjalment minħabba li t-triq hi traffikuża minnha nfisha. Dan wassal ukoll biex għall-ħabta tas-6.30pm seħħet ħabta bejn żewġ vetturi oħra. Fortunatament, ħadd ma weġġa’ f’din il-ħabta, għalkemm il-konġestjoni tat-traffiku kompla jiżdied f’dak il-ħin tal-ġurnata.

Mhux magħruf x’wassal biex il-vettura tibqa’ fil-post għal daqstant sigħat, għalkemm sorsi li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com qalu li l-vettura ma tistax titneħħa jekk mhux minn sidha stess. Hu mifhum li din, iżda, ma setgħetx titneħħa mis-Sudaniż minħabba li dan inżamm arrestat mill-Pulizija. Ritratti oħrajn li ntbagħtu lil MaltaRightNow.com kmieni dalgħodu juru kif sas-5.45am tal-lum, il-vettura kienet għadha hemm.

Persuni li tkellmu magħna fakkru kif il-bankijiet li hemm f’dik it-triq huma ffrekwentati ħafna min-nies tal-lokalità. Għaldaqstant, qalu l-persuni li tkellmu magħna, imn’alla l-inċident seħħ kmieni filgħodu u mhux filgħaxija għax dak il-ħin ma jkun hemm ħadd hemm.