Qorti

Sentenza sospiża għal Żabbari li ffalsifika firma fuq ċekk

Raġel ta’ 30 sena minn Ħaż-Żabbar mar 14-il xahar ħabs iżda li kienu sospiżi għal erba’ snin wara li nstab ħati li iffalsifika firma fuq ċekk. Michael Ellul instab ħati li fil-15 ta’ Lulju 2003 iffalsifika l-firma ta’ Charmaine Busuttil fuq çekk tal-bank HSBC.

Mill-provi rriżulta li fid-19 ta’ Ġunju 2003, Busuttil irrappurtat lill-Pulizija li mill-karozza tagħha kien insterqilha basket b’ktieb taċ-ċekkijiet li kien tagħha u ta’ żewġha Ivan.

Hija kienet ħalliet il-karozza miftuħa sakemm marret tixtri mingħand ħanut tal-pastizzi u meta rritornat ma sabitx il-baskett. Il-ktieb taċ-ċekkijiet instab fil-pussess ta’ Ellul fejn huwa qal li kien sabu f’garaxx bla bieb.

Waqt li ma sabitux ħati ta’ serq b’dannu għal Busuttil, għax ma nġiebux provi li kien huwa li serqu, il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia sabitu ħati li iffalsifikah imma mhux li għamel użu minnu. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Priscilla Caruana filwaqt li Ellul kellu jiddefendih lill-Avukat Mark Busuttil.