Il-Kunsill Studenti Universitarju (KSU) kien f’kuntatt mal-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, l-Onor. Evarist Bartolo, kif ukoll mas-Sedje tal-iStudents Maintenance Grant Board (SMGB) minħabba r-riforma tal-iSmart Card. Il-KSU kien infurmat li b’din ir-riforma, l-iSmart Card se titneħħa iżda li l-istess ammont ta’ kreditu se jiġi trasferit fil-kont bankarju tal-istudenti. Il-proċess tas-sistema l-ġdida se jsir permezz ta’ sistema elettronika u għalhekk se jiffaċilta’ l-proċess għall-istudenti kollha li huma eleġibbli għal dan il-fond provdut.
Il-KSU jifhem il-benefiċċji marbuta ma’ din is-sistema l-ġdida li se tagħti aktar liberta’ lill-istudenti huma u jixtru l-prodotti meħtieġa għall-għanijiet edukkativi tagħhom, kif ukoll jifhem li din tiffaċilta’ l-proċess biex jixtru prodotti online peress li issa l-istudent ma jkollux bżonn juża s-sistema ta’ rimborż. Minħabba li l-applikazzjoni tas-sistema l-ġdida se tkun online, dan se jnaqqas iċ-ċans ta’ żbalji umani.
Il-KSU temmen li l-istudenti Għawdxin ser jibbenifikaw ukoll minn din ir-riforma għaliex b’dan il-fond se jkunu jistgħu jħallsu l-biljetti tal-vapur u spejjeż oħra tal-vjaġġ b’dan il-fond. Tnaqqas ukoll il-piż finanzjarju li dawn l-istudenti jiltaqgħu magħhom meta jiġu jgħixu Malta. Huwa ta’ benefiċċju li s-somma kollha se tingħata fil-bidu tas-sena skoalstika, peress li huwa f’dak iż-żmien li l-istudenti jkunu l-aktar fil-bżonn li jixtru l-materjal edukattiv.
Il-Kunsill huwa sodisfatt li bis-sistema l-ġdida, il-Gvern se jkun qed jiffranka ammont konsideroveli ta’ flus. Il-KSU jirrakkomanda, kif diġa għamel waqt laqgħa mal-SMGB, li l-flus frankati għandhom jintużaw biex ikompli jissaħħaħ il-fond għar-riċerka fl-Universita’.
Min-naħa l-oħra, il-KSU jinsab imħasseb li s-sistema l-ġdida se jkollha anqas moniteraġġ li jassigura li l-flus qed ikunu użati għal raġunijiet edukattivi, liema għan kienet maħluqa għalih is-sistema tal-iSmart Card. Issa l-istudenti jistgħu jonfqu l-flus f’dak kollu li jridu u mhux fuq affarjiet li jistgħu jgħinuhom fl-istudji tagħhom. Din ir-riforma tista’ wkoll tħalli effett negattiv u forsi anke taqta’ qalb lill-istudenti li kienu jużaw l-iSmart Card għal attivitajiet ekstra-kurrikulari. Il-KSU jifhem li bis-sistema l-antika xorta kien hemm abbużi. Għalkemm huwa ferm inkorraġanti li l-Gvern qiegħed jafda aktar lill-istudent, dan għandu jaħdem biex ikompli jsaħħaħ il-mentalita’ li l-flus ma jaqgħux mis-sema, imma għall-kuntrarju, li dan huwa investiment.
Wara li din ir-riforma ġiet diskussa waqt il-laqgħa tal-Kummissjoni Edukazzjoni, strattura fi ħdan il-KSU magħmulha minn rappreżentanti li ġejjin minn Fakultajiet , Instituzzjonijiet u Ċentri, il-KSU jinnota li r-riforma tal-iSmart Card se tneħħi l-proċess burokratiku biex tapplika, kif ukoll se żżid il-varjeta’ ta’ servizzi li minnhom se jkunu jistgħu jgawdu l-istudenti. Għaldaqstant il-KSU qiegħed jitlob kjarifika ta’ x’inhuma l-miżuri ta’ moniteraġġ li l-Gvern se jdaħħal biex jaċċerta ruħu li l-flus ħa jkunu bħala investiment fl-istudent.
Il-KSU jħeġġeġ lill-istudenti biex dawn il-flus jintużaw b’responsabbilta’ u għal għanjiet edukattivi. Barra minn hekk, il-KSU jħeġġeġ lill-istudenti biex jibqgħu attivi f’attivitajiet li qabel kienu jiġu mħallsa mis-sistema ta’ rimborż ekstra-kurrikulari li fl-aħħar mill-aħħar isiru biex ikomplu jsaħħu l-korp studentesk.
//= $special ?>

