Futbol Sport

Van Gaal: “Shaw għadu lura fiżikament”

Luke Shaw ingħata programm ta’ taħriġ speċjali wara li l-manager ta’ Manchester United Louis Van Gaal qal li d-difensur xellugi “ma kienx fit biżżejjed”.

Iż-żagħżugħ Shaw li kien fl-iskwadra Ingliża fl-aħħar Tazza tad-Dinja fil-Brażil ingħaqad ma’ United minn ma’ Southampton ix-xahar li għadda.
Madankollu jidher li għandu x’jaqdef jekk irid jikseb post fl-iskwadra ta’ Van Gaal għall-ewwel logħba tal-istaġun kontra Swansea City f’Old Trafford fis-16 ta’ Awwissu.

Shaw tħarreġ separatament minn sħabu fil-Washington FedEx Field il-{add u mbagħad tħalla barra għal parti kbira mis-sessjoni tat-Tnejn fejn United qed jippreparaw għall-isfida kontra Inter illum.
Mistoqsi jispjega għalfejn għamel dan, Van Gaal qal, “Jinsab tajjeb. Imma jien trainer u kowċ li nħares lejn l-individwi u dak li għandhom bżonn. Irid ikun fit u bħalissa mhux fit jew fit biżżejjed biex jagħmel dak li rrid jien. Jeħtieġ li jitħarreġ waħdu biex ikun fit.”

Van Gaal spjega wkoll ir-raġuni li Rafael irritorna lura Manchester għal kura minħabba problemi fil-groin.

“Tista’ tħalli l-plejer fl-Amerika u tikkurah hawnhekk jew inkella tagħżel li jkollok l-aħjar kura u naħseb li kien aħjar li jieħu l-kura fl-Aon Complex (training ground ta’ United). Jista’ jirkupra malajr mill-istrapazz tal-ajru jekk imur id-dar. Fil-fatt diġa` wasal,” qal Van Gaal.