Il-lejl li għadda kien wieħed mill-aktar ħorox f’Gaża, b’bumbardament fl-ajru, il-baħar u anke fuq l-art. Dan wara li l-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahhu wissa li l-kunflitt jista’ jieħu fit-tul. Hu rrappurtat li fis-sigħat li għaddew saru madwar 60 attakk mill-ajru, bil-mira jkunu l-istazzjonijiet tat-televiżjoni u r-radju lokali, kif ukoll siti oħrajn assoċjati mal-Ħamas. L-awtoritajiet lokali qed jistmaw li f’dawn l-attakki mietu mill-anqas 60 Palestinjan.
F’indirizz lin-nazzjon fuq stazzjon televiżiv Iżraeljan, Netanyahu qal li pajjiżu se jibqa’ għaddej bl-attakki sakemm jilħaq il-miri tiegħu. Qal li hu bżonnjuż li jinqerdu mini li hemm taħt l-art bejn Gaża u Iżrael ħalli tal-Ħamas ma jkollhomx aċċess jersqu lejn Iżrael minn hemm. Waqt li qed ikompli jinxtered id-demm f’dawn l-attakki bejn iż-żewġ naħat, rapporti fil-media internazzjonali qed jgħidu li l-Iżrael qed tibgħat fuljetti lir-residenti fit-tramuntana ta’ Gaża ħalli dawn jitilqu minn djarhom. L-aħbar kienet ikkonfermata wkoll mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Ban Ki-moon, li esprima t-tħassib tiegħu għal dan.
Madankollu, il-Gvern Iżraeljan wieġeb li bagħat dawn l-appelli biex ikunu evitati aktar imwiet ta’ persuni innoċenti.
//= $special ?>

