Joseph Zammit, ta’ 57 sena minn Ħal Qormi u li bħalissa qed jiskonta piena ta’ 31 sena ħabs u sitt xhur fuq il-qtil ta’ Alphonse Ferriggi, ma deher komdu xejn jixhed fil-konfront ta’ James Vella, ta’ 33 sena minn Ħal Qormi u magħruf bħala “Il-Frejżer”, kif ukoll Chris Scerri, ta’ 35 sena minn Tal-Pietà u magħruf bħala “Gazzetti” jew “Buttuni”. Vella u Scerri qed jiġu mixlijin bil-qtil ta’ Ferriggi, li kien seħħ fl-2000 quddiem il-fergħa tal-Bank of Valletta f’San Ġwann.
Wara li ma’ kważi kull domanda li kienet qed isirlu mill-Ispettur Keith Arnaud wieġeb li kien diġà xehed u li jistgħu jaraw it-traskrizzjoni, kompla jwieġeb b’dan il-mod anke meta kienet qed twissieh il-Maġistrat Josette Demicoli. Meta kien nieżel mill-pedana tax-xhieda, Zammit qal minn taħt l-ilsien lill-Ispettur Arnaud “terġax tibgħat għalija Sir, m’għandix għalfejn nerġa’ niġi”.
Mill-ftit xhieda li ta, Zammit qal li dakinhar tal-inċident kien joqgħod il-Furjana u kien d-dar mal-mara tiegħu. Qal li kienu marru għalih iż-żewġ akkużati flimkien ma’ Richard Grech, magħruf bħala “Iz-Zinanna”. Tenna li minkejja li hu ma riedx imur magħhom, kienu sfurzawh u rieduh iwassalhom San Ġwann.
Qal li kienu marru għalih b’karozza ħamra u talbuh biex iwassalhom ħdejn karozza oħra tat-tip Volkswagen b’lewn iswed. Kif wassalhom, huma niżlu mill-karozza fil-Wied ta’ San Ġwann u hu telaq jistenna ftit ‘l isfel mid-Downtown Bar, fejn qalulu huma biex jistenniehom. Zammit qal ukoll li kien sar ħafna paroli qabel fuq dak li kellu jsir f’San Ġwann fejn bank.
Filwaqt li għal diversi domandi x-xhud kompla jwieġeb li hu diġà kien qal dan fil-ġuri ta’ James Grech, qal li wara kien mar id-dar u sema’ fuq l-aħbarijiet li kien sar hold-up li fih kien inqatel messaġġier li jaħdem il-bank. F’ħin minnhom waqt id-domandi, l-Avukat Marion Camilleri, li flimkien mal-Avukat Franco Debono qed tider għal James Vella u Chris Scerri, qalet lill-Qorti li l-Ispettur kien qed jissuġġerixxi lix-xhud x’kellu jgħid dwar każ ta’ ġuri li għadu pendenti.
Sadanittant, qabel ma beda l-każ, l-Ispettur Keith Arnaud għamel verbal b’talba biex il-qraba tal-akkużati jiġu żgumbrati mill-Awla. Dan wara kummenti li għaddew waqt ix-xhieda ta’ diversi persuni. Qal ukoll li fl-aħħar seduta, kif ġie rrappurtat mill-media, l-akkużat Chris Scerri għadda kummenti fil-konfront tiegħu, fosthom tgħajjir. Tenna li kull xhud f’dan il-każ għandu jkun komdu jagħti x-xhieda tiegħu, iżda din xi ħaġa li mhux tiġri.
Min-naħa tagħha, il-Maġistrat Josette Demicoli qalet li kemm-il darba wissiet lill-qraba biex ma jgħaddux kummenti u li għal darb’oħra kienet qed twissihom joqgħodu kwieti. Qalet li kienet qed tagħtihom l-aħħar opportunità u li mal-ewwel darba li xi ħadd minnhom jgħaddi kumment, kienu se jinħarġu l-barra mill-Awla. Qalet ukoll li l-kumment li, skont l-Ispettur Arnaud, għadda l-akkużat Scerri fil-konfront tiegħu ma semgħetux.
L-ewwel xhud kien Justin Fenech, li fis-seduta ta’ qabel kien diġà xehed u kienet inqratlu l-istqarrija. Tenna li lill-akkużati qatt ma kien semmihom f’xi ħaġa. Dwar Richard Grech qal li dan kien qallu li kien hu li wettaq id-delitt, filwaqt li tenna li ma kienx emmnu. Fenech qal li lil Grech kien qallu, “il-bank jinsab faċċata tiegħek u mort tagħmel hekk?”. Tenna li Grech kien iħobb jibblaffja u qallu wkoll li fil-hold-up l-akkużati kienu miegħu. Min-naħa tiegħu, l-Avukat Franco Debono qal li x-xhieda f’dan il-każ kienet kollha “hearsay“.
Xehed ukoll George Debono, li għall-ewwel qal li jaf liż-żewġ akkużati minn wiċċhom għax huma minn Ħal Qormi bħalu. Qal li kien jikri xi karozza għax hu ma kellux waħda, filwaqt li tenna li fil-ġurnata tal-inċident James Vella kien talbu biex jisilfu l-karozza ħalli joħroġ mat-tfajla tiegħu. Hu kien ħalla l-karozza ħdejn il-Każin tal-Banda “tal-Werqa” f’Ħal Qormi u hu kien ħareġ ma’ xi ħaddieħor. Qal li ċ-ċavetta kien ħallieha taħt is-seat. Mistoqsi mill-Ispettur Arnaud jekk jiftakarx dak li Fenech kien xehed f’ġuri, qal li ma tantx jiftakar.
Wara xehed Frans Zammit, li hu kuntrattur u li għandu garaxx kbir mhux ‘il bogħod minn fejn kien sar id-delitt. Qal li bejn l-4am u l-4.30am kien sejjer lejn Santa Venera u kien ra karozza, li fiha kien hemm raġel mixħut fuq is-seat mitfugħ lura. Qal li ma setax jara min kien fil-karozza għax kien għadu d-dlam. Qal li kien mar Santa Venera u x’ħin wasal lura xi siegħa u nofs wara reġa’ ra l-karozza, li iżda dak il-ħin ħadd ma kien hemm fiha. Qal li filgħaxija, x’ħin mar id-dar għall-ħabta tas-7pm, il-mara tiegħu kienet qaltlu li kien sar delitt f’San Ġwann. Kien ra l-Aħbarijiet, li semma’ d-delitt li kien sar f’San Ġwann.
L-Avukat Franco Debono qal li hu kien se jikkontesta l-fatt li fil-Qorti nġabu provi biżżejjed biex il-klijenti tiegħu jitpoġġew taħt att ta’ akkuża. Qal li biex ikun hemm provi konkreti ma jridx ikun xhieda bbażati kollha fuq “hearsay“. Tenna li kien se jistudja t-traskrizzjoni tax-xhieda u l-Ħamis li ġej, meta jkompli l-każ, kien se jitratta wkoll dwar il-libertà proviżorja. Debono qal li fil-proċess verbal tal-Qorti jissemmew għadd ta’ persuni oħrajn u mhux l-akkużati. Vella u Scerri qed iwieġbu mhux ħatja li qatlu lil Ferriggi.
//= $special ?>
