Aġġornament: Stqarrijiet ta’ kondoljanzi u l-ewwel reazzjoni tal-Kap tal-PN fuq Radio 101
Tħabbret il-mewt tal-eks Ministru Nazzjonalista Alexander Cachia Zammit, fl-età ta’ 89 sena. Imwieled Birżebbuġa, l-isem tat-Tabib Cachia Zammit jibqa’ marbut l-aktar maż-Żejtun, fejn qatta’ l-parti l-kbira ta’ ħajtu. Fost oħrajn, fiż-Żejtun hu kien ukoll President tal-Banda Beland.
Bħal missieru, hu għamel snin twal involut fil-politika, fejn ikkontesta l-ewwel elezzjoni tiegħu fl-1955 mal-Partit Nazzjonalista u ġie elett mal-ewwel. Alexander Cachia Zammit serva bħala Ministru tas-Saħħa u Ministru tax-Xogħol u s-Servizzi Soċjali taħt it-tmexxija ta’ Ġorġ Borg Olivier bejn l-1962 u l-1971, kif ukoll bħala Deputat Nazzjonalista taħt it-tmexxija ta’ Eddie Fenech Adami bejn l-1971 u l-1987.
Cachia Zammit kien Ministru meta Malta kisbet l-Indipendenza, li din is-sena qed niċċelebraw il-50 anniversarju tagħha. Cachia Zammit kien irtira mill-politika fl-1987 u wara serva għal numru ta’ snin bħala Ambaxxatur. Is-sena li għaddiet, l-awtur Sergio Grech kien ippubblika l-Bijografija ta’ Cachia Zammit, intitolata “It-Tabib Sandy”, l-isem li bih kienu jafu tista’ tgħid kulħadd.
Sadanittant, fi tweet, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Simon Busuttil sellem lil “Sandy” u sejjaħlu persuna leali u li ħadem ħafna fiż-Żejtun, kif ukoll eks Ministru fil-Gvern ta’ Ġorġ Borg Olivier.
Il-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Media.Link Communications twassal il-kondoljanzi lill-qraba u l-ħbieb tat-Tabib Cachia Zammit.
Il-PN isellem lil Alexander Cachia Zammit
Fi stqarrija, il-PN sellem il-memorja ta’ Alexander Cachia Zammit, jew Sandy kif kien magħruf ma’ kulħadd, li jibqa’ mfakkar għall-ħidma tiegħu fil-PN fi żminijiet diffiċli għall-pajjiż kollu. Fl-ewwel reazzjoni tiegħu, il-Kap tal-PN Simon Busuttil sellem lil Cachia Zammit u ddeskrivieh bħala pilastru tal-Partit fid-distrett taż-Żejtun.
Fakkar kif Sandy Cachia Zammit kien jifforma parti mill-Kabinett ta’ Ġorġ Borg Olivier, li nnegozja u kiseb l-Indipendenza ta’ pajjiżna mir-Renju Unit 50 sena ilu.
Fl-istqarrija, il-PN qal li Sandy Cachia Zammit jibqa’ mfakkar ukoll minn bosta Żwieten għall-ħidma tiegħu fil-lokal, kemm bħala Tabib, kif ukoll bħala attivist politiku u fil-Każin tal-Banda Beland, fejn serva bħala President. Il-PN wassal il-kondoljanzi tiegħu lill-familja Cachia Zammit f’dan il-mument diffiċli.
Stqarrijiet oħrajn ta’ kondoljanzi
Il-Kulleġġ tal-eks Parlamentari tal-PN ukoll esprima s-sogħba għall-ahbar tal-mewt ta’ Alex Cachia Zammit, filwaqt li wera solidarjetà mas-Sinjura Cachia Zammit u l-familja tiegħu. Il-Kulleġġ qal li wara li serva f’karriera politika u diplomatika twila ta’ suċċessi fis-servizz tiegħu lill-pajjiż, kien membru attiv ħafna fil-Kulleġġ li għadu kif twaqqaf.
L-istqarrija fakkret kif Cachia Zammit kien politiku lejali lejn il-PN, li baqa’ jħobb u jipparteċipa fil-mixja diffiċli tiegħu ħalli jarah mill-ġdid fir-rwol ta’ gwida tal-pajjiż. Kien ammirat għall-eżempju tajjeb u korrettezza fl-imġieba tiegħu, kif ukoll fil-prinċipji reliġjużi sodi u konvinti tiegħu.
Stqarrija oħra ta’ kondoljanzi ħarġet ukoll mill-Partit Laburista.
//= $special ?>


