Lokali

Aġġornata b’aktar dettalji u Ritratt: Vann jieħu n-nar fi Triq il-Kunsill tal-Ewropa

Ħadd ma weġġa’ f’nirien qawwija li ħakmu vann li jintuża’ bħala fridge mobbli. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-2pm fi Triq il-Kunsill tal-Ewropa f’Ħal Luqa meta l-vann kien qed jinstaq fid-direzzjoni tal-Marsa. Jirriżulta li x-xufier, li għandu 30 sena u hu mill-Ħamrun, ma ndunax li l-vann ħa n-nar u kienu xufiera ta’ vetturi oħrajn li kienu warajh u li għamlulu sinjal.

Informazzjoni li għandu MaltaRightNow.com tgħid li x-xufier niżel immedjatament mill-vann u pprova jitfi n-nirien hu, iżda kien tard wisq. F’dan l-istadju, il-vann sploda u ħalla warajh daħna qawwija (ritratt). Impjegati ta’ kumpless kummerċjali li tinsab fil-viċin qalu lil MaltaRightNow.com li għall-ewwel bdew jinstemgħu splużjonijiet żgħar, possibilment waqt li x-xufier beda jipprova jitfi n-nirien.

Fil-post waslu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li kellhom biċċa xogħol iebsa ferm biex jikkontrollaw in-nirien. Wasal ukoll tim mediku mill-Isptar Mater Dei, li akkumpanja lix-xufier lejn l-Isptar possibilment minħabba xi duħħan li seta’ bela’.

Kawża tal-inċident, din it-triq ewlenija kellha tingħalaq għat-traffiku għal xi ħin.