Skont il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi, il-Gvern beda d-diskussjonijiet preliminari mal-offerent preferut li mistenni jkun l-operatur il-ġdid tat-trasport pubbliku. F’kummenti lill-media iżda, Joe Mizzi ma riedx jiżvela jekk dan l-offerent preferut huwiex il-kumpanija Spanjola Autobuses de Leon, li tifforma parti mill-kumpanija sussidjarja Spanjola tan-National Express Group tal-Ingilterra ALSA. Hu qal li se jħabbar liema hi l-kumpanija aktar tard.
Minbarra Autobuses de Leon, hemm żewġ konsorzji Maltin li tefgħu s-sottomissjoni tagħhom fil-ħin: Gozo First u Island Buses Malta. Hu mifhum li dan il-konsorzju hu ffurmat minn seba’ kumpaniji lokali, fosthom Zarb Coaches, Paramount, Ċanċu Supreme, Garden of Eden u Ta’ Peppin. Fil-ġimgħat li għaddew kien żvelat li l-Ministru Mizzi mar Spanja u ltaqa’ mar-rappreżentanti ta’ Autobuses de Leon.
Mistoqsi dwar dan, Joe Mizzi qal li hu minnu li ltaqa’ mal-bidders Spanjoli. Qal li mar Spanja biex jara l-affarijiet li għandu dritt ikun jafhom għax wara kollox irid li t-trasport pubbliku ma jfallix. Hu qal li ried jara li dak li ddikjarat din il-kumpanija hu minnu. Mistoqsi jekk iltaqax ukoll mal-bidders Maltin, Joe Mizzi qal li kull meta xtaqu jkellmuh, hu kellimhom ukoll għax qal li hu lest jitkellem ma’ kulħadd.
Sadanittant, għal Mistoqsija Parlamentari mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar it-Trasport Toni Bezzina, il-Ministru Joe Mizzi qal li minn monitoraġġ li sar, jirriżulta li f’xi karozzi tal-linja li l-Gvern kera u ġab minn barra qed ikun hemm temperaturi għoljin ħafna minħabba li m’għandhomx arja kundizzjonata. Kienu rappurtati temperaturi ta’ kważi 35 grad Celsius.
Mistoqsi dwar dan, il-Ministru Mizzi qal li meta mqabbla mal-ilmenti li kien hemm qabel, l-ilmenti huma minimi u veru li hemm xi ilmenti dwar l-arja kundizzjonata fil-karozzi tal-linja, iżda dawn qed jitranġaw u sa ftit żmien ieħor il-problemi se jkunu solvuti. Il-kuntratt tas-servizz tat-trasport pubbliku, li bħalissa qed jitħaddem mill-kumpanija tal-Gvern Malta Public Transport Services Limited, jistipula li t-temperaturi fil-karozzi tal-linja trid tkun bejn l-20 u l-24 grad Celsius.
//= $special ?>