Futbol Sport

Bjorn Vassallo approvat bħala Segretarju Ġenerali tal-MFA

Il-Kunsill tal-MFA approva lil Bjorn Vassallo bħala s-Segretarju Ġenerali ġdid tal-MFA wara li hu ġie nnominat mill-President Norman Darmanin Demajo. Vassallo se jkun qed jieħu post Joe Gauci li ilu jaqdi din il-pożizzjoni għal snin twal. B’dan it-tibdil, il-pożizzjoni ta’ Kap Eżekuttiv se titneħħa mill-MFA.

Darmanin Demajo, filwaqt li għamilha ċara li Joe Gauci qabel ma’ dan it-tibdil, kompla li hu mhux se jingħata release mill-MFA imma se jkun qed jgħin bl-esperjenza tiegħu biex isir tibdil importanti ħafna fl-istrutturi tal-MFA.

Darmanin Demajo qal li t-taqlib intern se jsir biex jissaħħu dipartimenti li mhux ilaħħqu mal-aspettattivi mistennija minnhom u b’hekk jiġu evitati l-iżbalji li saru fil-passat, bħal fil-każ l-iktar riċenti fejn Zach Muscat li tilef it-tieni leg tal-logħba bejn Birkirkara u Diosgyor minħabba li ġie irreġistrat mill-MFA b’mod ħażin.

Il-Kumitat approva dan it-tibdil kif ukoll il-ħatra ta’ Bjorn Vassallo bħala Segretarju Ġenerali. Fl-ewwel kummenti tiegħu, Bjorn Vassallo qal li jinsab emozzjonat għall-fiduċja li intweriet fih u wiegħed li l-bieb tiegħu se jibqa’ miftuħ għal kull min ikollu bżonn.

Anke’ Joe Gauci irringrazzja lill-President tal-fiduċja li wera’ fih kif ukoll lil kull min ħadem miegħu tul il-karriera. Hu kien ippreżentat b’tifkira tal-ħidma twila tiegħu f’din il-kariga’ mill-President Darmanin Demajo.

Intant il-Kunsill approva lil Joe Cassar Naudi u Joe Farrugia bħala membri onorarji filwaqt li l-President Emeritus George Abela ġie approvat bħala President Onorarju tal-MFA.

Miċħuda t-talba ta’ Templeman
Il-Kunsill tal-MFA irrifjuta t-talba ta’ Trevor Templeman biex ikun jista’ jfittex lil Marsaxlokk fil-Qorti ċivili fuq “trattament diskriminatorju kontrih mill-klabb.”

Il-President tal-MFA Norman Darmanin Demajo qal li fl-opinjoni tiegħu m’għandux jingħata permess għax meta beda jilgħab il-futbol kien jaf li jeżistu dawn ir-regolamenti. Madankollu qabel li mhux sew li plejer jtemm il-karriera tiegħu minħabba r-regoli eżistenti tal-futbol.

Darmanin Demajo fakkar li s-sistema’ tal-parametri, li qed toħloq problemi kbar, se tiġi diskussa għaliex fl-opinjoni tiegħu dawn ir-regolamenti huma “ridikoli.” Kompla li l-klabbs Maltin qed jispiċċaw f’sitwazzjoni fejn jippreferu jġibu l-barranin flok dawk Maltin.

Michael Cutajar ta’ St. George’s fakkar li Marsaxlokk talbu li jaqgħu amateur club sentejn ilu u għalhekk staqsa jekk dawn jistgħux iżommu plejer professjonali magħhom. Minn naħa tiegħu l-President ta’ Qormi Redino Apap qal li wieħed irid joqgħod attent ukoll li jiġu imħarsa d-drittijiet tal-klabbs u mhux biss dawk tal-plejers. Apap kompla li l-problema mhix il-parametri għaliex l-ebda klabb ma ippreżenta offerta għalih.

Dr. Adrian Delia staqsa jekk l-MFA hix toffri rimedju ieħor u qal li l-klabbs ħolqu sitwazzjoni fejn sitwazzjonijiet simili jxaqilbu lejn il-plejers u għalhekk irid ikun hemm attenzjoni biex ma tinħoloqx sitwazzjoni ta’ plejers kontra l-klabbs u għalhekk wissa’ lill-klabbs u l-MFA ma jabbużawx mill-poter li joffru r-regolament anzi jaħdmu biex tinstab soluzzjoni.

“Jekk fil-Kunsill ma nagħtux opportunita’ lill-plejers, dawn se jmorru jfittxu soluzzjoni oħra u minflok jispiċċaw jaħdmu kontra l-klabb. Dawn il-plejers kull ma jridu hu li jilgħabu u mhux jagħmlu ħsara lill-klabbs,” saħaq Delia.

Tinfetaħ inkjesta dwar il-mewt ta’ Chibueze

L-MFA fetħet inkjesta wara l-mewt tal-eks plejer Basil Chibueze. In-Niġerjan, li kellu wkoll passaport Malti, kien ikkollassa waqt li kien jogging u ħalla din id-dinja jiem biss qabel għalaq 25 sena.

Il-President ta’ Marsa Twanny Mercieca kien ħabbar li Chibueze għamel testijiet mediċi fil-bidu tal-istaġun fejn ma instabu l-ebda problemi f’saħħtu.

Approvazzjoni għat-trasferiment ta’ Grech
Birżebbuga St. Peters talbu lill-Kumitat Eżekuttiv tal-MFA permess għat-trasferiment tal-midfielder ta’ 21 sena Darrell Grech ta’ Marsaxlokk għas-somma ta’ €8,000. Huma tallbu biex il-flus ikunu depożitati fl-MFA bil-flus jitħallsu lill-kredituri ta’ Marsaxlokk. Dan minħabba li Marsaxlokk għandhom prohibition. Il-Kunsill tal-MFA ma sab l-ebda oppożizzjoni għal din it-talba.

Titneħħa s-sospensjoni ta’ Udo Nwoko
Il-kwistjonijiet finanzjari bejn il-midfielder avvanzat Udo Nwoko u Hibernians ġew riżolti u b’hekk fil-Kunsill tal-MFA tħabbar li n-Niġerjan ta’ 29 sena m’għadux sospiż.


Sliema Wanderers se jikkompetu b’tim tan-nisa

L-MFA approvat it-talba ta’ Sliema Wanderers biex jirreġistraw tim tan-nisa. Il-maġġoranza ta’ dan it-tim se jkun kompost minn eks plejers ta’ Fgura Utd.

Sliema Wanderers, minkejja li se jirreġistraw tim ġdid, xorta waħda se jkunu qed jilgħabu fl-Ewwel Diviżjoni minħabba tibdil li se jsir fil-format tal-kampjonat.

Filfatt, il-kampjonat tan-nisa se jkollu biss diviżjoni waħda bi 12-il tim li f’dan ir-rawnd jilgħabu logħba waħda kontra kull tim. Wara r-rawnd bejn dawn il-klabbs, it-tims jinqasmu f’żewġ sezzjonijiet li madankollu mhux se jkunu żoni ta’ championship pool jew relegation pool u fejn mhux se jsir qsim tal-punti.