F’intervista twila ma’ ġurnal Ingliż il-captain ta’ Liverpool Steven Gerrard tkellem dawn l-aħħar tliet xhur li għaddew, li skont hu kienu l-agħar tliet xhur ta’ ħajtu. Kollox beda meta Liverpool kienu qed jissieltu għr-rebħ tal-kampjonat u l-plejers kollha tar-Reds kienu qed jemmnu li din is-sena kienet is-sena fejn fiha kienu se jirbħu l-Premiership Ingliż għall-ewwel darba sa mill-1990. Madankollu f’logħa deċiżiva kontra Chelsea f’Anfield fis-27 ta’ April, Gerrard żelaq meta mar jikkontrolla pass ta’ Sakho u minn dan l-iżball approfitta Demba Ba li fetaħ l-iskor. Chelsea eventwalment rebħu l-partita 2-0 u Manchester City rebħu l-kampjonat ftit ġimgħat wara.
Meta kien mistoqsi kif ħassu wara l-logħba kontra Chelsea, Gerrard innifsu qal lil min kien qed jintervistah li kien raġel kuraġġuż biex jistaqsih dik il-mistoqsija. “Naħseb kapaċi tweġiba int stess mistoqsija bħal din. Kienet l-agħar ġurnata ta’ ħajti,” qal Gerrard b’mod onest.
“Kienet xi ħaġa kerha ħafna. Kullħadd,xi darba jew oħra f’ħajtu jiżloq u jaqa`. Hawn min jaqa` fit-taraġ, hawn min jiżloq meta jkun qed jiġri biex jevita x-xita. Jien kelli niżloq f’Anfield waqt logħba deċiżiva. Hu veru li l-kampjonat jintrebaħ fuq dak li jkun seħħ tul 38 logħba imma l-episodju tiegħi ħalla impatt kbir fuq ir-riżultat aħħari,” kompla jgħid Gerrard.
Dan tal-aħħar kompla jgħid li, “F’dan l-isport mhux dejjem se tkun qed tiċċelebra u mhux dejjem se tkun fuq in-naħa rebbieħa. Meta tikkompeti f’dan il-livell se jkun hemm mumenti fejn tesperjenza diżappunti kbar. Dawn l-aħħar tliet xhur kienu diżappunt kbir għalija, anzi, nemmen li kienu l-agħar tliet xhur ta’ ħajti. Jien bħala captian ma nistax indum naħseb fuq żball jew telfa għax il-kumplament tat-tim se jkun qed iħares lejja kontinwament. Irrid nuża dawn it-tliet xhur biex inkun aktar motivat biex nirbaħ.”
Ta min jiftakar li fis-sajf Gerrard kien jifforma parti mit-tim nazzjonali Ingliż li wkoll iddiżappunta fit-Tazza tad-Dinja. L-Ingliżi ġew eliminati mill-fażi tal-gruppi fejn ġabru biss punt. Għal darba oħra, Gerrard reġa’ wettaq żball kbir fil-logħba kontra l-Urugwaj meta ta pass lura li spiċċa f’saqajn Luis Suarez li skurja t-tieni gowl u għamel l-iskor 2-1 favur l-Urugwaj li eventwalment rebħu l-partita.
:imgħa ilu Gerrard ħabbar li kien se jirtira minn man-nazzjonal.
“Kont wasalt f’perjodu fejn iddejjaq nigdeb lit-tfal tiegħi u ngħidilhom li mhux se nkun id-dar għal ftit jiem meta fil-verita` nkun se ndum erba’, sitt ġimgħat ma nersaq ‘l hemm. Ilni 14-il sena nilgħab futbol professjonali u minn meta keli l-familja dejjem għamilt dawn l-affarijiet u issa wasal iż-żmien fejn inkun aktar qrib tagħħhom. Il-manager ta’ Liverpool Brendan Rodgers qalli li jekk irrid inkompli nilgħab man-nazzjonal jagħżel xi partiti fejn jien ma nkunx inkluż biex nilħaq nistrieħ imma jien dejjem irrid inkun disponibbli għall-kowċ,” qal Gerrard, li llum-il ġurnata għandu 34 sena.
Ftit tal-ġimgħat oħra jerġa’ jibda l-kampjonat Ingliż u Gerrard bla dubju se jkun qed jimmira li jirbaħ it-titlu li tant ilu jixtieq.
“Il-fatt li tlifna l-kampjonat lejn l-aħħar juri li għad fadlilna x’naħdmu. Għandna tim tajjeb b’manager tajjeb. Bl-akkwisti li għamilna s’issa komplejna nitjiebu u l-atmosfera fid-dressing room hi waħda pożittiva. Issa rridu nkunu aħna li nuru x’kapaċi nagħmlu,” temm jgħid il-captain tar-Reds.
//= $special ?>

