Lokali

Il-Partit Nazzjonalista b’politika relevanti għaż-żmien li ġej

Il-Partit Nazzjonalista qiegħed jaħdem biex jindirizza erba’ sfidi bl-iskop li jsaħħaħ l-istrutturi u l-politika tiegħu, kif ukoll biex ikun iżjed relevanti għaż-żmien li ġej.

Dan kien il-qofol li ħareġ minn diskors li għamel il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil f’laqgħa li saret għall-Kunsillieri Lokali fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.
Simon Busuttil fakkar kif il-Partit Nazzjonalista għaddej minn process ta’ ristrutturar finanzjarju. Hu tkellem dwar l-erba’ sfidi li l-Partit Nazzjonalista għandu quddiemu u li jrid jattwa b’impenn u bi professjonalita’.

L-ewwel, li l-istrutturi tal-Partit Nazzjonalista jkunu f’posthom u jiffunzjonaw. It-tieni, li l-politika tal-Partit Nazzjonalista tkun aġġornata biex il-Partit ikun aktar relevanti għaż-żminijiet tal-llum. It-tielet, li l-media tal-Partit Nazzjonalista tkun ristrutturata. Ir-raba’, li l-PN ikompli jindirizza l-finanzi tiegħu.
Dwar l-istrutturi tal-partit, Simon Busuttil qal li illum-il ġurnata, minn sitt fergħat, il-Partit għandu għaxar fergħat li qed jaħdmu b’mod professjonali u organizzat.

Matul il-laqgħa, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem dwar il-ħidma li għandu quddiemu l-Partit Nazzjonalista, fosthom l-attivitajiet tal-Indipendenza li se jsiru bejn is-16 u d-19 ta’ Settembru.

Dwar il-kunsilli lokali, il-Kap tal-PN saħaq li hu ma jaqbilx mal-idea tal-Prim Ministru li jneħħi l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali sal-2019. Il-PN irid jara li l-affarijiet jimxi skont il-prinċipji. Għaldaqstant il-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista hi kontra l-proposta tal-Prim Ministru. Allura l-PN se jkun qed jisħaq biex l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali jsiru f’Marzu 2015.

Simon Busuttil żied li l-PN għaddej bi proċess tal-għażla għal kandidati ġodda u qal li l-Kummissjoni mmexxija mill-eks Kummissarju Ewropew u eks Ministru Joe Borg, qed tfittex nies ġodda mhux biss għall-elezzjoni tal-kunsilli lokali ta’ Marzu li ġej, imma wkoll għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Il-Kap tal-PN appella wkoll għad-dixxiplina u għall-etika professjonali fost il-kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista. Hu qal li l-PN qed jistenna li min qed jagħti servizz fil-komunita’, jagħmel xogħolu tajjeb u jkun mudell għall-kunsilli lokali.