“Għalfejn tħammeġ pajjiżek?” hi t-tema ta’ kampanja nazzjonali edukattiva kontra r-rimi ta’ skart b’mod illegali f’pajjiżna, li tnediet mid-Direttorat għas-Servizzi tat-Tindif fil-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura flimkien mal-Ministeru għat-Turiżmu. Il-kampanja tnediet waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Paceville, li fiha ħadu sehem il-Ministri rispettivi Joe Mizzi u Edward Zammit Lewis.
Fil-post kien hemm ukoll makkinarju u vetturi li se jintużaw għat-tindif bħala parti minn din il-kampanja. Il-Ministru Joe Mizzi qal li għal dan il-makkinarju ntefqu €300,000. It-tindif se jkun ikkonċentrat l-aktar f’żoni turistiċi, fosthom Paceville, Buġibba, Tas-Sliema, l-Għadira, l-Imdina, Marsaxlokk u Wied il-Għajn. Għal dan il-għan, il-ħaddiema tad-Direttorat żdiedu b’70.
Il-Ministru Mizzi qal li b’kollox, din l-inizjattiva se tiswa €1.5 miljun, li hi somma addizjonali fuq is-somma allokata lid-Direttorat għas-Servizzi ta’ Tindif.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Zammit Lewis qal li f’Awwissu mistennija jaslu Malta 220,000 turist u sal-aħħar tas-sena se jkunu ġew f’Malta rekord ta’ 1.6 miljun turist. Qal li dan iġib miegħu sfidi infrastrutturali, inkluż dawk dwar l-indafa. Il-Ministru Zammit Lewis qal li l-Kumitat Nazzjonali għaż-Żoni Turistiċi qed jiffoka dwar il-manutenzjoni, it-tindif u l-ġbir tal-iskart. Hu qal li dan il-Kumitat qed jaħdem ukoll biex jikseb fondi mill-Unjoni Ewropea ħalli pajjiżna jkollu turiżmu aktar sostenibbli.
//= $special ?>