Solljev minn kulħadd li l-Malti ostaġġ fil-Libja nħeles bis-saħħa tad-diplomatiċi professjonali Maltin. Imma din il-ġrajja turi wkoll x’tip ta’ Gvern għandna.
Il-Gvern Laburista ma ndunax x’kien għaddej tassew fil-Libja
Il-kriżi t’issa fil-Libja kif żviluppat f’Malta hi waħda li fiha l-Gvern Laburista ma ndunax x’kien għaddej tassew fil-Libja, tant li l-Ministru tal-Affarijiet Barranin qalilna li m’hemmx għalfejn ninkwetaw irwieħna wisq b’dak li għaddej hemmhekk.
Gvern li l-ewwel qal li ma kellniex ninkwetaw, imbagħad ħeba
Ma kinetx kelma ta’ George Vella. Għax mill-ewwel il-Gvern sar jaf li kellu għalfejn jinkwieta, għax kien hemm Malti ostaġġ. Imma flok avża lill-Maltin fil-Libja biex, iva, jinkwetaw, flok għamel kulma seta’ biex iġibhom, il-Gvern ħeba kollox għal jiem sħaħ.
Ħabi, waqt li l-Prim Ministru mar jieħu r-ritratti fir-Renju Unit
U kieku ma kienx għat-Times, kieku ħadd ma kien ikun jaf li kellna Malti ostaġġ fil-Libja. U mhux talli ħeba l-Gvern, talli l-Prim Ministru Muscat xorta mar għar-ritratti fir-Renju Unit, waqt li kien jaf u kien qed jaħbi li kellu Malti ostaġġ fil-Libja.
Konferenza Stampa b’assenza qawwija
Meta sirna nafu mill-aħbarijiet x’inhu għaddej fil-Libja, u meta sirna nafu mit-Times bil-Malti ostaġġ, il-Gvern iċċaqlaq daqsxejn u laqqa’ l-ġurnalisti l-Ħadd. Imma ma marx il-Prim Ministru – dak għal meta jidher sabiħ biss; ma marx George Vella – dak għal meta ma jara xejn; il-Gvern bagħat lill-kap taċ-ċivil.
L-effetti tal-ħatriet għal tal-qalba
U rajna mbagħad l-effetti tal-logħob tal-Gvern bil-ħatriet politiċi. Diversi ambaxxaturi f’ambaxxati importanti llum huma ħatriet għal tal-qalba. Imma lill-ostaġġ Martin Galea salvatlu ħajtu – kif qal hu stess – mhux xi ħadd tal-qalba imma diplomatika, il-konslu Dr Marisa Farrugia.
Gvern jiddeffess flok min salva lill-ostaġġ u flok il-familja tal-ostaġġ
Mhux għax il-Prim Ministru taha xi kredtu, anzi. X’ħin il-Malti ostaġġ wasal Malta, rajna sforz mill-aktar ovvju biex il-Gvern li ma inkwieta xejn fuq il-Libja, il-Gvern li ħeba li kien hemm ostaġġ Malti, jidher hu biss, jieħu l-kredtu ta’ xogħol ħaddieħor, u jiddeffsu Muscat u l-Ministri flok min salva l-ħajja tal-ostaġġ u l-familja tiegħu.
Il-Prim Ministru jiftaħar b’rix ħaddieħor
Din hi l-logħba li sar espert fiha l-Gvern ta’ Muscat li ħsiebu biex jiftaħar b’rix ħaddieħor, jidher biss fejn hemm is-sabiħ u fejn jista’ jieħu r-ritratti jiċċaċċra. Fejn hemm l-iebes, kif inhi s-sitwazzjoni fil-Libja, fejn hemm bżonn il-leadership f’dak li hu diffiċli, fejn kien hemm bżonn il-kaptan tal-maltemp, Muscat ħarab u ħeba.
Gvern li flok fis-sustanza, ħsiebu fid-dehra
Ġrajja li turi Gvern li jittratta l-politika bħala logħba; gvern li flok is-sustanza, juri biċ-ċar li ħsiebu fid-dehra.