Qorti

Libjan jallega li kien trattat ħażin mill-Pulizija u li ferewh

Libjan, ta’ 32 sena residenti l-Gżira u li jinsab Malta biex jistudja, ġie mixli li hedded Pulizija għalkemm min-naħa tiegħu qed jallega li kien il-Pulizija li trattah ħażin waqt li kien miżmum fl-Għassa ta’ San Ġiljan. Eihab Ahmed Ahmed Elsadi ġie mixli li lbieraħ inġurja jew hedded Pulizija, li m’obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija, li kiser il-paċi pubblika b’għajjat u ġlied, li kien fi stat ta’ sakra u li kellu d-droga fil-pussess tiegħu.

Elsadi wieġeb li mhux ħati, filwaqt li wera lill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit ġerħa li kellu f’idu x-xellugija u oħra fi spalltu l-leminija. Allega li kien il-Pulizija li kkaġunalu l-feriti waqt li kien qed jinżamm fl-Għassa. Hu kien arrestat wara li allegatament kien involut fi ġlieda u wara li tela’ fuq xarabank tniżżel minn fuqha minn Pulizija u ttieħed l-Għassa. Ftit wara li kien rilaxxat, hu kellu l-argument mal-Pulizija li, skont hu, trattah ħażin.

Il-Maġistrat Stafrace Zammit ordnat li Elsadi jiġi eżaminat minn Tabib u tagħtu l-ħelsien mill-arrest taħt garanzija personali ta’ €15,000 u bil-kundizzjoni li ta’ kuljum jiffirma l-Għassa ta’ Tas-Sliema. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Trevor Micallef, filwaqt li għal Elsadi deher l-Avukat Anthony Cutajar.