Internazzjonali Lokali

Malti jweġġa’ fi splużjoni fil-Libja

Fl-aħħar 24 siegħa twassal lejn pajjiżna ċittadin Malti li ġarrab xi ksur wara splużjoni qrib id-dar fejn joqgħod fil-Libja. Waslu ukoll 59 persuna permezz tal-Libyan Arab Airlines, li sitta minnhom kienu Maltin.

Dan kien ikkonfermat f’laqgħa mal-ġurnalisti f’Kastilja indirizzata wara nofsinhar mill-Kap tac-Civil Mario Cutajar.

Cutajar ikkonferma li bħalissa fl-Isptar Mater Dei hemm 7 Libjani li qed jingħataw il-kura.

Sar magħruf ukoll li aktar tard matul il-ġurnata kellha tasal Air Ambulance oħra b’persuna jew tnejn abbord.

Fil-Libja preżentament għad baqa’ madwar 100 Malti.

U fl-aħħar sigħat, ħaddiema Filippini li bħalissa jinsabu maqbuda fil-kunflitt tal-Libja, se jiġu evakwati bil-baħar lejn Malta. Dan permezz ta’ vapur li ġie chartered mill-Gvern tal-Filippini.

Bħalissa fil-Libja hemm madwar 13,000 ħaddiem minn dan il-pajjiż. S’issa diġa’ waslu mil-Libja mal-45 Filippin li ġew trasferiti lejn Malta, filwaqt li hu mistenni jaslu ukoll numru kbir ta’ ħaddiema Ċiniżi.