Lokali

Marc Vella Bonnici bħala s-Sindku l-ġdid ta’ Ħaż-Żabbar

Marc Vella Bonnici nħatar bħala s-Sindku l-ġdid ta’ Ħaż-Żabbar wara li l-Kunsill ta’ din il-lokalita’ kellu l-ewwel laqgha tieghu minn mindu Quinton Scerri rriżenja mill-kariga’ fid-dawl tar-rapport tal-Bord tal-Governanza tal-Kunsilli Lokali.

Fil-bidu tal-laqgħa s-Segretarju Ezekuttiv tal-Kunsill qal li skont il-liġi tal-kunsilli lokali l-kunsillier li l-aktar ġab voti għandu jinħatar Sindku. F’dan il-każ Domenic Agius kien eliġibbli iżda meta kien mistoqsi jekk kienx interessat ghall-kariga, Agius iddikjara li kien se jirrinunzja l-ħatra ta’ Sindku. Għaldaqstant hu ppropona biex tinħatar persuna oħra minfloku.

Il-kunsillier il-ġdid f’isem il-Partit Laburista Joseph Agius innomina lil Mark Vella Bonnici bħala Sindku, liema nomina ġiet sekondata minn Domenic Agius.

Sussegwentament saret elezzjoni fejn Marc Vella Bonnici kiseb seba’ voti favur u tliet astensjonijiet.

Fl-ewwel kummenti tiegħu, Marc Vella Bonnici stqarr li hu se jkun qed jaħdem għall-ġid tal-komunita’ ta’ Ħaż-Żabbar.

Joseph Buttigieg, il-Minority Leader tal-kunsillieri Nazzjonalisti saħaq li l-kunsillieri Nazzjonalisti se jkunu qed jagħtu l-għajnuna kollha u mhux se jkunu qed jagħmlu tfixkil lis-Sindku u l-kunsillieri Żabbarin.

Ir-rapport tal-Bord tal-Governanza Lokali kien sab lil Quinton Scerri, u lill-Kunsill Lokali b’maggoranza Laburista, hatja ta’ numru ta’ irregolaritajiet fosthom in-nuqqas ta’attendenza tal-maġġoranza tal-Kunsillieri tal-Partit Laburista. Fil-fatt il-Bord tal-Governanza rrakkomanda li l-Kunsilliera li fallew dawn il-laqgħat jiġu dekaduti, jiġifieri l-post tagħhom ikun vakat u jimtela’ minn ħaddieħor. Kif fil-fatt ġara proprju l-bieraħ filgħaxija.

L-eks Sindku ta’ Ħaż-Żabbar Quinton Scerri nhar it-Tnejn ressaq Protest Ġudizzjarju fil-Qorti kontra d-Direttur tal-Gvern Lokali u saħaq li l-Bord tal-Governanza Lokali ma aġixxiex skont proċeduri stabbiliti. Fil-Protest Ġudizzjarju, Quinton Scerri stqarr li r-rapport tal-Bord tal-Governanza Lokali kien inġust u intenzjonat biex b’mod malizzjuż iħammeg ir-reputazzjoni tiegħu fil-lokalità li kien imexxi.

Hu qal li se jkun qed jieħu azzjoni legali biex inaddaf ismu.