Sorsi żvelati mill-media lokali qalu li Martin Galea, iċ-ċittadin Malti li nħeles it-Tnejn li għadda wara li kien inħataf minn ribelli fid-deżert Libjan fis-17 ta’ Lulju, fil-perijodu li fih kien maħtuf kien qed jiġi miżmum f’ċella. L-eks Kaptan fil-Forzi Armati kien inħataf f’distrett ftit ‘il bogħod minn Tripli, ikkontrollat minn grupp Iżlamiku.
Sorsi Libjani li kienu nvoluti fil-ħelsien ta’ Martin Galea qed jiġu kkwotati jgħidu li kien hemm mumenti fejn il-militanti ribelli kienu se jeħilsuh qabel it-Tnejn. Iżda mbagħad, ir-ribelli kienu bidlu fehemithom. Galea nħataf fil-Pont Ayn Zara, fid-distrett ta’ Fornaj ‘il barra minn Tripli kkontrollat mill-grupp Suq al-Juma. Din hi fazzjoni Iżlamika alleata ma’ milizja akbar f’Misrata. Għadu mhux magħruf jekk dan il-grupp kienx involut fil-ħtif ta’ Martin Galea.
Sadanittant, bejn it-Tnejn filgħaxija u lbieraħ, is-Servizzi tas-Sigurtà Maltin kellmu lil Martin Galea fl-Isptar Mater Dei dwar dak kollu li għadda minnu. Aktar tard hu ntbagħat id-dar biex ikompli bil-mistrieħ tiegħu.
//= $special ?>