Maximillian Ciantar, ta’ 24 sena mill-Marsa, li jinsab mixli li aktar kmieni dan ix-xahar ħabat ma’ karozza fil-Marsa u baqa’ sejjer, ingħata l-ħelsien mill-arrest preventiv. Wara li aċċettat li jingħata l-libertà proviżorja, il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit qalet li dan għandu jsir b’diversi kundizzjonijiet, fosthom li Ciantar ma jsuqx, li jagħmel depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €10,000.
Barra minn hekk, il-Qorti qalet li ta’ kuljum għandu jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija tal-Ħamrun u jrid ikun ġewwa bejn 12am u s-7am. Ingħad ukoll li jekk hemm il-bżonn, iwassluh il-qraba tiegħu inkella jivvjaġġa b’tal-linja ħalli jiffirma u jmur minn post għal ieħor.
Ciantar kien ingħata sentenza ta’ sentejn priġunerija wara li fl-2011 kien tajjar tewmien bniet ta’ 11-il sena f’Ħ’Attard meta kienu qed jaqsmu minn fuq zebra-crossing. Dwar dan il-każ, hu kellu wkoll il-Liċenzja tas-Sewqan sospiża għal 10 snin, iżda fl-Appell is-sospensjoni tnaqqset għal sitt xhur, anke jekk is-sentenza ta’ ħabs kienet ikkonfermata.
Ciantar kien qed jiġi mfittex mill-Pulizija wara li allegatament baqa’ dieħel fuq karozza oħra u pprova jtajjar raġel fi Triq Zerafa fil-Marsa. Hu jinsab mixli li fit-8 ta’ Lulju li għadda, għall-ħabta tal-11.30am, waqt li kien qed isuq vettura tat-tip Renault ikkaġuna ħsara f’żewġ vetturi oħrajn, waħda tat-tip Toyota b’dannu għal Joseph Catania u l-oħra tat-tip Ford Fiesta b’dannu għal Karmenu D’Amato.
Maximillian Ciantar jinsab mixli wkoll li hedded lil Catania u bintu, li qal kliem oxxen fil-pubbliku, li naqas milli jagħti dettalji tal-karozza li kien qed isuq wara li kien involut fl-inċident, li saq bi traskuraġni, li ma kellux Liċenzja tas-Sewqan, li ma kienx kopert b’polza tal-assikurazzjoni u li kiser sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati datata 1 ta’ Frar 2013.
Ciantar qed jiġi mixli wkoll li fl-istess jum, iżda għall-ħabta tas-7.30pm fl-Isptar Mater Dei, m’obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija waqt li kien fil-kustodja tagħhom u li kiser il-paċi pubblika b’għajjat u ġlied. Minkejja li ma jistax isuq sa Marzu li ġej wara ordni tal-Qorti, Ciantar kien qed isuq il-karozza ta’ ommu meta laqat il-mera tat-Toyota, li kienet qed tinstaq minn Catania iżda hi propjetà tat-tifla Alysia.
Għalih qed jidher l-Avukat Joe Brincat, filwaqt li l-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Robert Vella.
//= $special ?>

