Qorti

Sentejn u nofs ħabs fuq għadd ta’ serqiet

Raġel ta’ 28 sena minn Ħal Qormi mar sentejn u nofs ħabs wara li nstab ħati li kellu fil-pussess tiegħu oġġetti li huma assoċjati mas-serq. Dwar il-piena, il-Qorti kkunsidrat li minkejja l-età relattivament żgħira, diġà għandu 13-il kundanna oħra, fosthom sitta fuq serq anke bi vjolenza u bis-sekwestru tal-persuna.

Jonathan Felice kien spiċċa arrestat dan ix-xahar liebes ġakketta bil-komma twila. Skont hu, kien liebes hekk għax kien qed jiġġoggja biex joħroġlu l-għaraq. Hu nstab ħati li fit-12 ta’ Lulju li għadda, għall-ħabta tas-6pm f’Ħal Qormi, kellu fil-pussess tiegħu oġġetti li għalihom ma tax raġuni sodisfaċenti għaliex kienu għandu.

Felice nstab ħati wkoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest imposti fuqu mill-Maġistrat Audrey Demicoli fis-27 ta’ Mejju 2013, mill-Imħallef David Scicluna fis-26 ta’ Jannar 2010, mill-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera fil-15 ta’ Frar 2008 u mill-Maġistrat Edwina Grima fid-29 ta’ April 2013.

Felice sar ukoll reċidiv wara li kiser diversi sentenzi mogħtija mill-Qrati ta’ Malta. Quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia, il-Kuntistabbli Ryan Pisani u Nigel Mallia mir-Rapid Intervention Unit (RIU) xehdu kif huma ntalbu jmorru Ħal Qormi għax kien hemm żewġ persuni suspettużi. X’ħin waslu fi Triq Mons Frendo, raw żewġ persuni lebsin griż f’kantuniera b’barżakka blu f’idejhom u jfittxu fiha. Wieħed minnhom, li rriżulta li kien Felice, kien liebes ġakketta bil-komma twila. Fuq rashom kellhom beritta u nuċċali tax-xemx.

Iż-żewġ Pulizija xehdu li malli niżlu mill-vettura, iż-żewġ persuni rmew il-barżakka mal-art u telqu jiġru f’direzzjonijiet differenti. Il-Kuntistabbli Pisani ġabar il-barżakka mill-art, tefagħha fuq dahru u beda jiġri warajhom sakemm meta nfirdu baqa’ jsegwi lil wieħed minnhom, li iżda rnexxielu jidħol fi sqaq u ħarab. Min-naħa tiegħu, il-Kuntistabbli Mallia daħal fil-karozza tal-Pulizija u dar dawra mal-blokk fejn ra lil Felice jiġri. Hu baqa’ jsuq warajh sakemm waqqfu fi Triq San Pawl u arrestah.

Fil-barżakka rriżulta li kien hemm lieva, turnavit twil, flokk u xi kalzetti. Iż-żagħżugħ xehed li hu jagħmel nofs siegħa eżerċizzju kuljum u dakinhar mar jiġġoggja bħas-soltu meta ħabta u sabta arrestawh il-Pulizija. Hu ċaħad li kien jaf x’fiha l-barżakka u meta mistoqsi mill-Uffiċjal Prosekutur l-Ispettur Roderick Agius għaliex fl-eqqel tas-sajf kien liebes ġakketta bil-komma twila, Felice wieġbu li jilbisha biex tixrob l-għaraq.

Meta ġiet biex tikkunsidra l-każ, il-Maġistrat Farrugia qalet li anke jekk kellha taċċetta li m’hemm xejn stramb li f’nofs Lulju l-akkużat imur jiġġoggja fis-6pm b’komma twila, il-verżjoni tiegħu m’għandiex mis-sewwa. Irrimarkat li hi ċertament il-prassi ta’ dawk li jittrenjaw billi jimxu jew jiġġoggjaw fit-triq li jilbsu ħafif kemm jista’ jkun, speċjalment fis-Sajf, biex joħroġ l-anqas għaraq possibbli u f’dak il-każ iġorru xugaman żgħir magħhom, ġeneralment madwar għonqhom, biex jixrob l-għaraq u jimsħu wiċċhom.

Il-Qorti sostniet li ma tantx temmen li f’temp ta’ ħames minuti kien hemm żewġ persuni lebsin ġgieget griżi identiċi bil-komma twila u li t-tnejn kienu qed jiġru. Kompliet li fl-opinjoni tal-Qorti, hu ferm aktar kredibbli li tilbes ġakketta bil-komma twila biex jgħatti t-tatoos li għandu f’idejh u li jagħmluh faċilment rikonoxxibbli. Qalet li Felice ngħata diversi opportunitajiet mill-Qrati, fejn mill-kondotta jirriżulta li ngħata libertà kundizzjonata u kellu tliet probation orders.

Filwaqt li qalet li Felice baqa’ jirrifjuta li japprofitta minn dawn l-opportunitajiet, il-Maġistrat Farrugia rrimarkat li kien instab ukoll ħati li kiser żewġ digrieti separati li fihom kien ingħata l-ħelsien mill-arrest. Barra minhekk, kellu diversi kundanni l-ħabs, tant li ħareġ mill-Faċiità Korrettiva ta’ Kordin f’Ottubru 2013 u għalkemm kien taħt ordni ta’ probation, ma attendix għal-laqgħat mal-Uffiċjal tal-probation.

Il-Maġistrat Farrugia ddeskriviet ukoll l-oġġetti li nstabu fil-barżakka bħala “affarijiet li normalment jintużaw waqt is-serq” u filwaqt li kkundannatu sentejn ħabs fuq l-akkużi li tressaq bihom, magħhom żiedet sitt xhur talli kiser l-ordni ta’ probation mogħtija fit-23 ta’ April 2013.