Qorti

Appell minn raġel li ttraffika d-droga fuq allegazzjoni ta’ diskriminazzjoni

Raġel li mar tmien snin ħabs fuq traffikar ta’ droga, appella mis-sentenza fil-Qorti tal-Appell Kriminali minħabba li ngħata trattament differenti minn sieħbu li kien involut miegħu fil-każ u li kien il-moħħ wara operazzjoni ta’ traffikar ta’ droga. Għalhekk, l-involviment tiegħu kien akbar. L-appell li sar ma kienx fuq ħtija jew le, minħabba li saret ammissjoni, iżda fuq il-piena mogħtija u li allegatament saret diskriminazzjoni fil-konfront tal-appellant.

Duncan Scerri, ta’ 38 sena mis-Salina, kien immultat €25,000 minbarra sentenza ta’ tmien snin priġunerija, filwaqt li Walid Laouini, Tuneżin ta’ 35 sena residenti San Pawl il-Baħar, ingħata sentenza ta’ seba’ snin priġunerija u kien immultat €20,000. Iż-żewġt irġiel ammettew minflok għaddew ġuri quddiem l-Imħallef Michael Mallia, li aktar minn seba’ snin ilu u fix-xhur ta’ qabel kienu nvoluti fit-traffikar tad-droga. Permezz tal-Avukat tiegħu Edward Gatt, l-appell jgħid li Scerri kien imqabbad minn Laouini biex wara li kienet sar il-ftehim tad-droga, li fih il-Malti ma kellu x’jaqsam xejn, mar iwassal id-droga minn Għajn Tuffieħa sal-grawnd tal-Luxol, fejn kellha tkun konsenjata.

L-Appell jgħid li l-involviment ta’ Scerri kien biss li jwassal il-kokaina minn post għal ieħor. Jingħad ukoll li l-involviment finanzjarju kollu kien kollu kemm hu f’idejn it-Tuneżin, li jfisser li kien il-moħħ wara l-bejgħ tad-droga. Scerri kellu jitħallas għal din l-operazzjoni fi flus, iżda ġara li kif appena waslu Pembroke, Scerri u Laouini sabu jistennewhom ukoll numru ta’ Pulizija li kienu lesti għalihom u arrestawhom. L-Avukat Gatt qal li kulħadd, inkluż il-Pulizija, baqa’ sorpriż bl-eżitu tas-sentenza u b’din id-deċiżjoni stramba. Qal li sentenzi bħal dawn jimminaw bis-sħiħ l-istituzzjoni tal-Ġustizzja għax mhux ġust li l-persuni li jkunu quddiem il-Qrati jiġu trattati b’mod differenti għal raġunijiet li ma jkun jista’ jifhimhom ħadd.

Ingħad ukoll li l-Qorti kellha xenarju quddiemha li wieħed mill-akkużati qabel li jaċċetta disa’ snin ħabs u l-ieħor le, iżda l-partijiet qablu li t-tnejn prattikament kellhom l-istess involviment. Tenna li kieku l-Qorti riedet verament tagħmel ġustizzja, setgħet tikkundanna liż-żewġ akkużati disa’ snin ħabs effettivi jew ma taċċettax dak li kien miftiehem mal-Avukat Ġenerali min-naħa tad-Difiża u tikkundanna liż-żewġ irġiel l-istess piena ta’ tmien snin ħabs u l-istess multa. Ingħad li sentenzi bħal dawn jimminaw bis-sħiħ l-istituzzjoni tal-Ġustizzja għax mhux sew li l-Qrati Maltin jitrattaw persuni b’mod differenti li ma jkun jista’ jifhem ħadd għaliex.

Meta tressqu l-Qorti f’April 2007, Scerri u Laouini kien wieġbu mhux ħatja, bil-każ tagħhom aktar tard beda jinstema’ bil-magħluq fuq talba tad-Difiża. Il-Pulizija kienu qalu li kienu qabdu viċin 1kg kokaina propjetà taż-żewġt irġiel wara tfittxija li kienet saret fil-karozza li kienu qed jużaw fl-inħawi tal-grawnds tal-Luxol, f’operazzjoni tal-Pulizija li kienet ilha għaddejja għal ġimgħat sħaħ. L-investigazzjoni f’dan il-każ kienet saret mill-Ispetturi Dennis Theuma u Nadia Lanzon.

Fis-26 ta’ April 2007, għall-ħabta tas-6.30pm, Scerri u Laouini inqabdu mill-Pulizija u hekk kif it-Tuneżin ra lill-Pulizija ġejjin fuqu, ipprova jaħrab mill-post iżda nqabad mill-ewwel. Huma nstabu ħatja li dakinhar u fis-sitt xhur ta’ qabel iddeċiedew li jassoċjaw ruħhom flimkien u ma’ persuni oħrajn fit-traffikar ta’ droga f’Malta, l-aktar fid-droga kokaina. Instabu ħatja wkoll li kellhom fil-pusses tagħhom din id-droga u d-droga kanbabis mhux għall-użu esklussiv tagħhom. Wara ħin josservaw karozza tat-tip Daewoo Matiz, il-Pulizija rnexxielhom isolvu l-operazzjoni b’suċċess.

Dakinhar kienu nstabu fil-karozza 96 kapsula bid-droga kokaina, li dak iż-żmien kienet iġġib prezz ta’ madwar €70,000 fis-suq lokali. Id-droga kellha purità ta’ 26.27%. Mill-investigazzjoni rriżulta li t-Tuneżin kien jimporta d-droga f’Malta u l-Malti kien imexxieha u jgħaddiha lil terzi persuni f’diversi postijiet fil-gżejjer Maltin, fosthom fin-Naxxar.

Wara tfittxija mill-Pulizija, fir-residenza tiegħu fi Triq il-Kappella tal-Lunzjata, kienet instabet id-droga, inkluż 45.133g eroina b’purità ta’ 37.3% u li fis-suq kienet iġġib il-prezz ta’ €2,076. Għand Scerri kienu nstabu wkoll 14-il żerriegħa tal-kannabis, li sebgħa minnhom kienu diġà nibtu. Kienet saret ukoll tfittxija fl-appartament tat-Tuneżin fi Triq it-Tamar, fejn instabet sustanza, li kienet raża meħuda mill-pjanta kannabis u li l-piż tagħha kien ta’ 2.484g b’purità ta’ madwar 7.3%.