Eritrean li għandu protezzjoni internazzjonali f’Malta u li martu mietet f’inċident b’xarabank waqt vjaġġ mis-Sudan għal-Libja qed jappella għall-għajnuna biex ibnu ta’ tliet snin, li baqa’ ħaj u jinsab il-Libja, jinġieb Malta fuq bażi umanitarja.
Il-missier Eritrean ilu Malta minn Novembru 2012. L-inċident li fih tilfet ħajjitha martu seħħ ġimagħtejn ilu, meta martu u binhom kienu qed jaqsmu ma’ Eritreani oħrajn mis-Sudan għal-Libja. Ix-xarabank li kienu fuqha kienet involuta f’ħabta. Martu kienet fost dawk li tilfu ħajjithom u wara l-inċident, ibnu u tlett itfal oħrajn li wkoll tilfu l-ġenituri tagħhom għaddew fil-kura ta’ raġel ħabib tal-familja.
Il-missier Eritrean qed jagħmel appell għall-għajnuna għax għalkemm għandu protezzjoni internazzjonali, din mhix waħda ta’ refuġjat iżda sussidjarja. Kieku kellu protezzjoni ta’ refuġjat kien ikollu d-dritt li jġib lil ibnu Malta, iżda l-istatus sussidjarju dan ma jippermettihx awtomatikament. Hu qed jittama ħafna li l-Istat Malti joffrilu l-mezz biex ibnu ikun jista’ jiġi jingħaqad miegħu Malta.
Fi stqarrija l-Kummissjoni Emigranti qalet li tappoġġja bis-sħih l-appell ta’ dan il-missier għall-ġest umanitarju meħtieġ biex ibnu jkun jista’ jiġi fil-kura u l-kenn tiegħu f’Malta. Il-Kummissjoni tinsab f’kuntatt mal-UNHCR biex tassikura ruħha li t-tifel jiġi mħares tajjeb waqt li jkun għadu fil-Libja kif ukoll biex ikun jista’ jingħaqad ma’ missieru f’Malta.
Il-Kummissjoni qalet li sabet benefattur li lest iħallas l-ispejjeż tal-vjaġġ biex dan it-tifel żgħir, iltim minn ommu f’esperjenza traġika, ikun jista’ jivvjaġġa lejn Malta jekk ikollu l-permess meħtieġ. Il-benefattur hu lest jgħin ukoll għall-vjaġġ tat-tlett itfal l-oħrajn li spiċċaw iltima fl-istess inċident jekk dawn jingħataw iċ-ċans li huma wkoll jiġu Malta, speċjalment fid-dawl tar-realtajiet li hemm fil-Libja fil-mument.
//= $special ?>