Fid-9 t’Awwissu, tagħlaq 40 sena ġrajja li skussat ix-xena politika Amerikana u dinjija – ir-riżenja tal-President Amerikan Richard Nixon fuq l-iskandlu ta’ Watergate. Fakkarna fiha l-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, din ir-riżenja fid-diskors li għamel fl-aġġornament tal-Parlament ġimagħtejn ilu.
Ir-riżenja tal-President Nixon…
L-iskandlu ta’ Watergate kien wieħed ikkomplikat ħafna u żgur se nisimgħu fuqu fl-aħbarijiet ta’ barra hu u joqrob dan l-anniversarju tal-effett kbir li kellu – ir-riżenja ta’ President tal-Amerika.
… fuq il-gidba tiegħu dwar Watergate
Imma essenzjalment il-ħtija ta’ Nixon li fuqha kellu jirriżenja, għax inkella l-Kungress Amerikan kien se jneħħih, kienet li gideb. Seħħ sgass fil-headquarters tal-partit oppost għalih, u hu qal li ma kien jaf xejn b’dal-isgass. Imma mbagħad, minn tapes irrekordjati minnu stess u li l-Qorti Suprema Amerikana ordnat li jixxandru, beda ħiereġ ċar li Nixon kien jaf b’dak li ġara, u allura beda ħiereġ ċar li kien gideb.
Ftakarna minn kmieni…
L-anniversarju riesaq tar-riżenja ta’ Nixon, kif għedna, fakkarna fih il-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Parlament meta kien qed jitkellem fuq il-gidba li qal il-Prim Ministru Joseph Muscat – fid-dieher u ripetutament – fuq dak li qiegħda ddaħħal minn flusna l-mara tal-Ministru Konrad Mizzi.
…meta smajna l-gidba ta’ Joseph Muscat
L-ewwel il-Prim Ministru Muscat qatta’ sena jipprova jaħbi kemm taqla’, qatta’ sena jmeri li l-mara ta’ Konrad Mizzi qiegħda tiswielna 13,000 ewro fix-xahar, imbagħad organizza mawra ċ-Ċina li t-tema tagħha spiċċat ukoll kemm taqla’ l-mara ta’ Konrad Mizzi, Muscat organizza intervisti biex taparsi nitħassruha, gidbet hi meta qalet li taqla’ xi ħaġa fuq tlett elef fix-xahar, irrepeta l-gidba tagħha l-Prim Ministru, imbagħad Muscat mar il-Parlament ixejjer il-kuntratt tagħha u jgħid li se jippubblikah, poġġieh fuq il-mejda tal-Parlament, u mill-kuntratt jirriżulta li l-Kap tal-Oppożizzjoni għandu raġun u l-Prim Ministru gideb, għax f’paga pura l-mara tal-Ministru taqla’ d-doppju ta’ kemm kien qal Muscat, u mart Konrad Mizzi qed tiswielna daqs kemm qalet mill-bidu nett l-Oppożizzjoni, 13,000 ewro fix-xahar.
Il-Prim Ministru ma jerfa’ l-ebda responsabbiltà
Il-Prim Ministru Muscat gideb. Imma f’Malta tal-accountability li wiegħed, f’Malta tas-slogans dwar kemm kien se jerfa’ r-responsabbiltà, il-Prim Ministru jinqabad jigdeb fiċ-ċar u ma jerfa’ xejn.