Il-captain ta’ Liverpool Steven Gerrard żvela li qal lill-eks sieħbu fit-tim l-Urugwajan Luis Suarez li kien “tajjeb wisq” biex imur ma’ Arsenal.
Suarez sieħeb lill-ġganti Spanjoli Barcelona aktar kmieni f’Lulju wara li għen lil Liverpool jagħtu sfida għat-titlu l-istaġun li għadda.
Qabel l-istaġun li għadda, fejn Liverpool spiċċaw żewġ punti wara ċ-Champions Manchester City, Suarez kien ferm viċin li jingħaqad ma’ Arsenal meta kien iżolat u sfurzat jitħarreġ waħdu qabel l-istaġun 2013-14. Eventwalment l-internazzjonali tal-Urugwaj kien aċċetta kuntratt ġdid f’Anfield f’Diċembru biex seba’ xhur wara ngħaqad ma’ Barcelona, mossa li Gerrard iħoss li dejjem kienet iminenti.
“Il-ħolma tiegħu mill-ewwel ġrunata li ġie magħna keinet li xi darba jilgħab ma’ Real Madrid jew Barcelona. Is-sajf li għadda kien qed jitħarreġ waħdu u meta konna nitkellmu kont ngħidlu biex ma jmurx ma’ Arsenal. Kont inkun diżappuntat u dispjaċut li nara lil Luis ma’ Arsenal. Bir-rispett kollu lejhom, għidtlu li kien tajjeb wisq biex imur ma’ Arsenal.”
Gerrad qa li jifhem l-għażla ta’ Suarez li jitlaq. “Għidtlu li jekk jiskorja 30 gowl magħna u jirbaħ l-unur tal-aħjar plejer, li kont naf li se jirbaħ, kienu se jiġu għalih Real jew Barcelona. Ħafna nies jaħsbu li seta’ tagħna staġun ieħor. Imma l-ħolma l-kbira tiegħi kienet li nilgħab ma’ Liverpool waqt li dik tal-plejers barranin hi li jilagħbu ma’ Real Madrid jew Barcelona u dan hu fatt.”
Intant Gerrard qal li jista’ jimxi fuq il-passi ta’ Frank Lampard u jmur jilgħab barra l-Ingilterra wara li ndika li jinsab miftuħ għall-ideja li jitlaq mill-Ingilterra.
Lampard temm il-karriera brillanti li kellu ma’ Chelsea biex igħaqad mad-debuttanti New York City fil-MLS fuq kuntratt ta’ sentejn.
Gerrard li rtira mit-tim nazzjonali Ingliż fi tmiem it-Tazza tad-Dinja, ilu ma’ Liverpool sa minn meta kien mal-Youths fl-1998 fejn lagħab 475 logħba u skorja 111-il gowl.
Il-midfielder ta’ 34 sena li bħalissa jinsab fl-Istati Uniti fuq tour ma’ Liverpool, fadallu sena oħra kuntratt u ammetta li jinsab interessat li jilgħab f’kampjonat bħall-MLS.
“Ġurnata minnhom dan jista’ jiġri lili. Ma nafx. Fil-verita` qatt ma ddiskutejt dan ma’ ħadd. Forsi xi darba nkun nixtieq li jkolli ċans li nilgħab bogħod minn Liverpool għal perjodu qasir u nipprova xi ħaġa differenti. Naħseb li Frank għamel deċiżjoni tajba. Fl-eta` tiegħu ta’ 36 sena kellu karriera brillanti u ma naħsibx li għandu xi ħaġa oħra x’jipprova fl-Ingilterra. Kiser ir-rekords ma’ Chelsea u rebaħ kollox magħhom. Naħseb li kienet mossa perfetta. Min-naħa tiegħi għad m’għandix il-karrotta quddiemi,” qal Gerrard.
//= $special ?>

