Internazzjonali

Grupp militanti Iżlamiku jiddikjara li għandu l-kontroll ta’ Benghażi

Il-grupp Militanti Iżlamiċi ta’ Ansar al-Sharia ddikjara li għandu l-kontroll ta’ Benghażi u ddikjara t-twaqqif ta’ emirat Iżlamiku fil-lvant tal-Libja. Ansar Al-Sharia hi meqjusa bħala organizzazzjoni terroristika mill-Istati Uniti għax hu maħsub li kienet l-organizzazzjoni wara l-attakk fuq il-Konsolat Amerikan f’Benghażi u l-qtil tal-Ambaxxatur Amerikan Christopher Stevens.

Madankollu, l-eks Ġeneral Khalifa Haftar, li qed imexxi l-ġlieda kontra l-militanti Iżlamiċi, ċaħad l-aħbar u qal li l-Armata rtirat minn żewġ qagħdiet, għalkemm għadha tikkontrolla l-belt.

Is-sitwazzjoni fil-Libja qed toħloq ukoll tħassib u diffikultajiet lil pajjiżi ġirien, fosthom Malta u t-Tuneżija. Fil-fatt, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Tuneżin Mongi Hamdi qal li pajjiżu ma jistax ilaħħaq mal-influss qawwi ta’ refuġjati u għalhekk talab l-għajnuna tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-Ministru Tuneżin ma eskludiex li jagħlaq il-fruntiera mal-Libja jekk is-sitwazzjoni tmur għall-agħar.

Sadanittant, iċ-Ċina ħabbret li mijiet ta’ ħaddiema tagħha stazzjonati fil-Libja kienu evakwati bil-baħar u jinsabu fi triqthom lejn Malta, filwaqt li oħrajn saqu lejn it-Tuneżija. Anke l-Gvern tal-Filippini qed iħeġġeġ biex iċ-ċittadini tiegħu jħallu l-Libja. Madwar 150 minnhom waslu Malta f’titjira minn Mitiga tard it-Tlieta filgħaxija, filwaqt li 1,000 oħra se jaslu Malta bil-baħar fuq vapur mikri mill-Gvern Filippin.

Fl-20 ta’ Lulju, il-Gvern tal-Filippini sejjaħ għall-evakwazzjoni wara li ħaddiem tal-kostruzzjoni nstab b’rasu maqtugħa f’Benghażi, filwaqt li nfermiera Filippina fi Tripli nħatfet u kienet stuprata aktar kmieni din il-ġimgħa. L-aġenziji internazzjonali fakkru r-rwol importanti ta’ Malta fl-evakwazzjoni ta’ ċittadini barranin mill-Libja waqt il-gwerra fl-2011, li wasslet għat-tneħħija tal-Kurunell Muammar Gaddafi.