Il-pajjiżi kollha li għandhom preżenza fil-Libja qed jagħmlu ħilithom kollha bħalissa biex jevakwaw lil nieshom kif jistgħu.
Il-Greċja bagħtet tliet bastimenti lejn il-Libja biex jevakwaw lill-membri tal-Ambaxxata Griega fi Tripli kif ukoll lil ċittadini Ċiniżi u ta’ pajjiżi Ewropej.
Il-bastiment tal-gwerra Salamis, li jista’ jġorr 100 persuna, kien mistenni jasal il-Libja l-{amis filgħaxija filwaqt li bastiment ieħor, Prometheus, u vapur tal-passiġġieri, marru biex jgħinu fl-evakwazzjoni ta’ Britanniċi u Ċiprijotti.
Spanja wkoll ħabbret li kienet qed tagħlaq l-Ambaxxata u tevakwa lill-impjegati minn hemm flimkien mal-Ġermanja li rtirat id-diplomatiċi tagħha minn Tripli
L-Erbgħa, fil-Libja wasal bastiment tal-gwerra Franċiż biex jevakwa lill-Ambaxxatur u lil diplomatiċi oħra kif ukoll lil xi barranin.
Minħabba l-mod kif qed tiżviluppa s-sitwazzjoni, il-Gvern Serb ħeġġeġ liċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżu li jinsabu fil-Libja biex jitilqu minnufih.
Iċ-Ċina qed tevakwa lil mijiet ta’ ħaddiema mil-Libja u hi wkoll qed tħeġġeġ liċ-ċittadini tagħha biex ma jibqgħux hemm. Xi wħud miċ-Ċiniżi qed jiġu evakwati lejn it-Tuneżija filwaqt li oħrajn qed jitwasslu bil-vapur lejn Malta.
Il-Gvern Filippin ħabbar ukoll li kien kera vapur biex iwassal madwar 1,000 Filippin lejn Malta.
Fil-Filippini hemm tħassib kbir għas-sitwazzjoni li jinsabu fiha l-Filippini fil-Libja. Diġà kien hemm raġel li spiċċa b’rasu maqtugħa barra wara li nqabad ostaġġ minn ġellieda Libjani. Issa kien hemm każ ta infermiera Filippina li spiċċat maħtufa u stuprata minn grupp ta’ ġellieda, u kien hemm kundanna kbira fil-Filippini u tħassib għas-sigurtà tal-bqija ta’ nieshom fil-Libja.
//= $special ?>

