Lokali

Il-Kap Eżekuttiv tal-MIA bi kliem ta’ tifħir għal Josef Formosa Gauci

Il-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta (MIA) Markus Klaushofer kellu kliem ta’ tifħir għall-eks Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu (MTA) Josef Formosa Gauci, li fi kliemu kellu rwol importanti u kien parti minn katina tas-suċċess fil-qasam tat-turiżmu. Għall-Partit Nazzjonalista, ir-riżenja ta’ Formosa Gauci mill-MTA hi sorpriża fid-dawl tas-suċċessi miksuba.

Dan is-suċċess kien rifless fiċ-ċifri tal-MIA ppreżentati minn Klaushofer stess fil-preżenza tal-Ministru responsabbli mit-Turiżmu Edward Zammit Lewis. Iċ-ċifri juri li l-moviment tal-passiġġieri bejn l-2013 u l-2014 żdied b’7.7%. Kien hemm żieda ta’ 7.5% wkoll fil-moviment tal-ajruplani u 7% fis-seating capacity. L-akbar żieda fil-passiġġieri kienet irreġistrata mir-Renju Unit, segwit mill-Italja, il-Ġermanja u Franza. Sinjifikanti ż-żieda rreġistrata mil-Libja, bi 30.7%.

Iż-żieda ta’ 9.2% fl-moviment tal-passiġġieri lejn Malta hu sinifikanti meta mqabbel maż-żieda ta’ 5.3% tal-ajruporti li jirċievu anqas minn ħames miljun passiġġier, 5.3% taż-żieda tal-passiġġieri fl-Ewropa u 4.3% fl-Unjoni Ewropea. Meta wieħed iħares lejn il-linji tal-ajru li joperaw lejn pajjiżna, l-akbar żieda fl-ammont ta’ passiġġieri ġiet irreġistrata mil-Lufthansa, segwita mill-Easyjet u l-Air Malta. Fid-dawl ta’ dan is-suċċess, l-MIA qed ibassar żieda ta’ 4.2% fl-2014 fuq l-2013 wara li ġie kkunsidrat it-tkabbir tal-aħħar sitt xhur u dak mistenni fis-Sajf u t-taqlib fil-Libja.

Mistoqsi propju dwar kif il-kriżi fil-Libja se taffettwa lill-MIA, Klaushofer fakkar li l-Libjani huma nies li tradizzjonalment jonfqu ħafna f’pajjiżna u jgħixu f’lukandi ta’ ħames stilel. Hu appella lill-Gvern biex ikompli jinvesti speċifikament fil-Belt u biex ikompli t-twaqqif ta’ boutique hotels biex jiġi attirat suq ġdid ta’ turisti. Min-naħa l-oħra, fl-MIA se jsir investiment ta’ €2.1 miljun fiż-żona “VVIP” biex jiġu akkomodati aktar nies ta’ livell għoli, fosthom uffiċjali ta’ gvernijiet u klijenti kummerċjali. Dan minbarra ħidma biex jiġu attirati turisti minn barra ż-Żona Schengen.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Zammit Lewis irrefera għaż-żieda marġinali ta’ 0.5% fl-okkupazjoni tal-persuni abbord l-ajruplani. Iddeskriva din iż-żieda bħala waħda simbolika u li trid issir ħidma biex tkompli tiżdied.