Qorti

Imnaqqsa piena b’terz wara li rriforma ruħu

Raġel ta’ 39 sena kellu s-sentenza tiegħu mnaqqsa b’terz mill-Qorti tal-Appell Kriminali bl-għan li jirriforma ruħu. Hu kien ikkundannat għal disa’ xhur ħabs mill-Qorti tal-Maġistrati wara li kien hedded Surġent u Kuntistabbli tal-Pulizija.

Il-każ jikkonċerna lil Jean Claude Cassar mill-Mosta, li kien instab ħati li fis-16 ta’ Ġunju 2006 kien hedded lis-Surġent Wistin Micallef u lill-Kuntistabbli Cedric Mifsud fil-ħabs stess, fejn kien qed jiskonta sentenza, billi stiednu jerfa’ idejh fuqu.

Fil-5 ta’ Ottubru 2012, Cassar kien instab ħati u kien ġie kkundannat disa’ xhur ħabs. Madankollu, hu appella quddiem il-Qorti tal-Apell Kriminali u l-Imħallef Antonio Mizzi naqqaslu l-piena minn disa’ xhur għal tlieta.

L-Imħallef Mizzi spjega li kien qed inaqqas il-piena mhux għax l-ewwel Qorti għamlet żball, iżda biex jagħtih ċans ieħor jirriforma. Spjega li kien infurmat li s-sentenza li qed jiskonta Cassar kienet ġejja fi tmiemha u li Cassar kien qed joħroġ jaħdem kuljum u jirritorna l-ħabs filgħaxija. Sostna li kien jidher li qed irabbi l-għaqal.

Il-Prosekussjoni tmexxiet mill-Ispettur Jurgen Vella.