Internazzjonali

In-NATO ‘mhix ippreparata’ għat-theddida tar-Russja

IR-RENJU UNIT: Grupp ta’ deputati parlamentari Britanniċi wissa li n-NATO mhix ippreparata għall-possibbilta li pajjiż-membru jispiċċa suġġett għal attakk mir-Russja. Id-deputati, fl-istess ħin, wissew li n-NATO ’tista’ ma jkollhiex ir-rieda politika kollettiva għal azzjoni bil-qbil ta’ kulħadd’ u li tkun intiża biex twaqqaf kwalunkwe attakk potenzjali.

Dawn id-deputati, li jiffurmaw il-Commons Defence Committee (f’Londra), qalu li l-konflitt fl-Ukrajna qed juri ‘n-nuqqasijiet serji’ fil-kapaċitajiet tan-NATO biex tindirizza t-theddid fuq dan il-livell. Huma, intant, ħeġġew ir-‘riforma radikali’ tal-Allenaza.

Filwaqt li t-theddida ta’ xi attakk konvenzjonali hi waħda baxxa, id-deputati kkonfermaw il-possibbilta li jintużaw metodi bħal cyber-attacks u l-użu tal-milizzji irregolari. Intant, in-NATO, qalet li se tanalizza l-proposti mressqa.

Id-deputati qed isejħu għall-bidliet fl-Alleanza tan-NATO li jinkludu l-preżenza kontinwa tat-truppi u t-tagħmir militari (tan-NATO) fil-pajjiżi ‘vulnerabbli’ tal-Latvja, l-Estonja u l-Litwanja. Dawn il-pajjiżi Baltiċi darba kienu jiffurmaw parti mill-Unjoni Sovjetika antika u jinsabu ‘fuq l-għatba proprja tar-Russja’.

Fl-istess ħin, il-membri tad-Defence Committee ħeġġew l-organizzazzjoni ta’ eżerċizzji fuq skala kbira li jinvolvu l-mexxejja militari u politiċi tal-Istati kollha tan-NATO.