IL-MEDDA TA’ GAZA: Il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, qal li pajjiżu m’għandux iwaqqaf l-offensiva fuq il-Medda ta’ Gaza sakemm jirnexxilu jeqred il-mini taħt l-art kollha li kienu bnew il-militanti Iżlamiċi tal-grupp Hamas.
L-iskop ewlieni ta’ dawn il-mini hu biex tal-Hamas jinfiltraw għal Iżrael u jattakkaw lill-militar kif ukoll ir-residenti tal-ibliet Iżraeljani viċin il-fruntiera.
Intant, Netanyahu insista li Iżrael jibqa’ determinat biex jelimina ‘din it-theddida serja’, irrispettivament minn kwalunkwe ftehim għal waqfien mill-ġlied. Dan meta Iżrael żied il-qawwiet tiegħu b’madwar 16,000 suldat ta’ riserva, bit-total ta’ militar mobilizzati għal dan il-konflitt issa jitla’ għal 86,000 element.
Min-naħa tagħha, n-Nazzjonijiet Uniti qalet li l-ġlied fl-inħawi ta’ Gaza ħalla mal-425,000 refuġjat u li jammonta għal 25 fil-mija tal-popolazzjoni Palestinjana fl-art inkwistjoni.
L-Iżraeljani bdew il-kampanja militari fuq Gaza – imlaqqma Operation Protective Edge – fit-8 ta’ Lulju. Minn dakinar ‘il hawn, inqatlu talanqas 1,360 Palestinjan, fil-maġġoranza nett ċivili.
L-offensiva Iżraeljana ikkonċentrat, għall-bidu, fuq is-siti minfejn il-militanti tal-Hamas qed jisparaw il-missili lejn Iżrael. Iżda issa, daħlet fis-seħħ il-fażi tal-kampanja fejn il-qawwiet Iżraeljani qed jikkonċentraw fuq il-qerda tal-mini. Dan wara li l-istess qawwiet kienu żvelaw network estensiv ta’ mini li jwasslu minn Gaza għal Iżrael.
L-iskoperta tal-mini – u r-realta li l-militanti qed jużawhom biex jinfiltraw għal Iżrael u joqtlu lill-Iżraeljani fit-territorju tagħhom stess – ixxukkjat bil-kbir lil ħafna Iżraeljani, minbarra li saħħet l-appoġġ ta’ dan il-poplu għall-offensiva fuq Gaza.
Sadanittant, Netanyahu, filwaqt li rrefera għall-problema, sostna li m’għandu jaqbel dwar l-ebda proposta li tista’ ttellef il-militar tiegħu milli jeqred dawn il-mini fl-interessi tas-sigurta tal-Iżraeljani.
//= $special ?>

