Internazzjonali

Jiddikjaraw lil Bengażi ‘Emirat Iżlamiku’

Il-grupp militanti Iżlamiku, l-Ansar al-Sharia, qed isostni li kiseb il-kontroll sħiħ ta’ Bengażi u ddikjara lil din il-belt Emirat Iżlamiku.
L-Ansar al-Sharia hu grupp b’rabtiet mal-al-Qaeda u li l-Istati Uniti tqisu bħala wieħed terroristiku u responsabbli għall-attakk fuq il-konsolat Amerikan f’Bengażi li fih kien inqatel l-Ambaxxatur Amerikan Christopher Stevens.

Iżda l-eks-Ġeneral Libjan Khalifa Haftar, li qed imexxi offensiva militari kontra l-militanti Iżlamiċi f’Bengażi, qal li ma kienx minnu li l-militanti Iżlamiċi kienu ħadu l-kontroll tat-tieni l-akbar belt Libjana.

Hu qal li l-ġellieda tiegħu kienu rtiraw minn xi postijiet f’Bengażi imma dan sar biss bħala manuvrar tal-battalja.

Id-dikjarazzjoni tal-Ansar al-Sharia saret jumejn wara li bażi ewlenija tal-Armata Libjana spiċċat f’idejhom. It-Tlieta l-militanti Iżlamiċi ħadu l-kontroll tal-kwartieri ġenerali tat-truppi speċjali tal-Armata Libjana li kienu minn ta’ quddiem fl-offensiva f’Bengażi kontra l-militanti Iżlamiċi.