Qorti

L-akkużati fil-kumpilazzjoni tal-qtil ta’ Alphonse Ferriggi jitqiegħdu taħt att ta’ akkuża u miċuħda t-talba għal-libertà proviżorja

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Josette Demicoli, iddikjarat li hemm biżżejjed provi biex James Vella ta’ 33 sena minn Ħal Qormi u magħruf bħala “Il-Frejżer”, kif ukoll Chris Scerri ta’ 35 sena minn Tal-Pietà u magħruf bħala “Gazzetti” jew “Buttuni” jitpoġġew taħt att ta’ akkuża. Għaldaqstant, issa kien ikkonfermat li ż-żewġ persuni se jgħaddu ġuri. Il-Maġistrat Josette Demicoli ċaħdet ukoll it-talba għal-libertà proviżorja taż-żewġt irġiel, li huma akkużati li fl-2000 qatlu b’tir ta’ arma tan-nar lil Alphonse Ferriggi quddiem il-fergħa tal-Bank of Valletta f’San Ġwann.

Il-Qorti qalet li ċaħdet il-libertà proviżorja wara li semgħet is-sottomissjonijiet mill-Avukat Franco Debono f’isem id-Difiża u mill-Ispettur Keith Arnaud f’isem il-Prosekuzzjoni. Qalet li nnutat ukoll il-gravità tar-reati u li minkejja li għadda ż-żmien, hemm xorta l-biża’ li jiġu mittiefsa l-provi fil-konfront ta’ xhieda pajżana, kif ukoll li l-akkużati ma jissodisfawx il-garanziji mogħtija mil-Liġi biex għalissa jingħataw il-ħelsien.

L-Avukat Franco Debono qal li kien qed jikkunsidra jiftaħ Kawża Kostituzzjonali minħabba li ma jaqbilx li l-akkużati kellhom jitpoġġew taħt att ta’ akkuża għax skont hu l-Ispettur Arnaud ma ġab l-ebda prova tanġibbli u raġunijiet, kif ukoll għax ix-xhud prinċipali Richard Grech, magħruf bħala “Iz-Zinanna”, lanqas biss xehed f’din il-kumpilazzjoni. Qal ukoll li suppost il-Prosekuzzjoni ġabet raġunijiet biżżejjed fuq id-disa’ akkużi li qed jiġu mixlijin bihom Vella u Scerri, fosthom li ma hemm l-ebda prova li serqu karozza Volkswagen sewda li biha kkommettew ir-reat.

Min-naħa tiegħu, l-Ispettur Arnaud qal li l-Liġi ma tgħidx li wieħed għandu bżonn iġib il-provi kollha tal-każ u l-Qorti bħalissa qed tiddeċiedi jekk minn dak li semgħet taqbilx li l-proċeduri għandhom jinstemgħu f’ġuri. Imbagħad ikun hemm fejn wieħed irid jiġġudika l-każ. Vella u Scerri qed iwieġbu mhux ħatja li qatlu lil Ferriggi fil-każ li seħħ fit-18 ta’ Settembru 2000.

Scerri u Vella qed jiġu mixlijin ukoll li serqu diversi dokumenti bankarji b’dannu għall-Bank Of Valletta, li żammew lil Ferriggi kontra l-volontà tiegħu, li sparaw l-arma f’distanza ta’ 200 metru f’post abitat, li kellhom arma mingħajr permess u liċenzja tal-Pulzija, li wettqu dannu fuq karozza tal-BOV u li serqu karozza Volkswagen Golf b’dannu għal Alessandro Loporto.

Richard Grech, ta’ 47 sena minn Ħal Qormi u magħruf bħala “Iz-Zinanna”, meta xehed fil-ġuri tiegħu kien semma’ lil Scerri u lil Vella bl-involviment tagħhom fil-qtil. Kien qal li Scerri kien il-moħħ wara l-omiċidju, filwaqt li tenna li ma kienx fuq ix-xena tad-delitt iżda kien ħareġ mill-karozza biex imur jixrob b’Scerri u Vella jmorru fil-post biex iwettqu l-hold-up.

L-Avukat Debono qal li ħafna mix-xhieda kienet fuq dak li sema’ u ma tfisser xejn. Tenna li anke Richard Grech jista’ jixhed b’mod differenti fil-ġuri. Qal li meta xehed, Joseph Zammit qal li marru għalih u telaqhom f’post, hu telaq u ma jafx x’għamlu. Għalhekk, sostna Debono, jista’ jkun li dawn telqu ‘l hemm, “min jaf?”. L-Ispettur Arnaud qal li f’dan li stadju l-Qorti m’għandhiex tevalwa s-sustanza tax-xhieda għax dak hu xogħol Qorti oħra fil-ġuri. Fil-każ ta’ xhieda ta’ Justin Fenech, l-Avukat Debono qal li dan semma’ żewġ laqmijiet u mhux lill-akkużati b’isimhom għax qal li ma jafhomx. Kompla jgħid li l-Ispettur Arnaud messu stenna l-appell mill-ġuri ta’ Richard Grech jinqata’ qabel ma ressaq lil akkużati.

L-ewwel xhud fil-kumpilazzjoni kien Chris Mangion, li dak iż-żmien kien jagħmel parti mir-Rescue Team. Hu qal li kien joqgħod ftit ‘il bogħod mill-Bank fejn seħħ il-każ. Qal li jiftakar li fil-5am kien fuq il-bejt u sema’ tir. Qal li ħdejh kien joqgħod Pulizija u mar ikellmu. Malli sema’ t-tir, niżel jiġri u mid-dar sema’ karozza titlaq, iżda din ma rahiex. Spjega kif x’ħin niżel biex jagħti l-għajnuna ra lill-vittma fil-ġenb tal-bankina u kien hemm karozza li kienet għadha miftuħa u l-bieba mkissra. Mangion kien l-ewwel persuna fil-post u ftit wara mar ħdejh is-Surġent.

Wara, xehed Mario Saliba, li dak iż-żmien kien membru fil-Korp tal-Pulizija u kien ukoll joqgħod viċin il-Bank f’San Ġwann. Qal li kmieni filgħodu kien sejjer għall-kaċċa u sema’ ħoss kbir. Għall-ewwel ħaseb li kien gass, iżda kien tir ta’ senter li ġie mid-direzzjoni tal-Bank. Qal li kif sema’ l-ħoss ra karozza sewda tagħmel u-turn lejn il-Knisja ta’ San Ġwann u kienet qisha Honda Civic jew Volkswagen, li saqet b’veloċità eċċessiva. Spjega kif dak il-ħin niżel raġel, li qallu hemm raġel fl-art u ċempel lill-Pulizija.

Tenna li kien ra lil Mangion jassisti lill-vittma. Mangion kellu bagalja f’idu u hu baqa’ hemm jistenna lill-Pulizija. Il-każ ikompli fl-10 ta’ Settembru li ġej.