Lokali

L-MŻPN jiltaqa’ mal-grupp ‘Legalize It’

Il-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista, l-MŻPN, il-Ħamis filgħaxija ltaqa’ ma’ membri mill-grupp Legalize It Malta f’laqgħa ta’ konsultazzjoni mal-grupp Legalize It Malta.

Din il-laqgħa hi waħda minn sensiela li l-MŻPN se jkun qed jagħmel ma’ gruppi u esperti b’opinjonijiet differenti fid-dawl tar-riforma fil-liġi dwar id-drogi tal-abbuż.

L-għan ta’ dawn il-laqgħat hu biex l-MŻPN jieħu pożizzjoni dwar din il-liġi wara li jkun iltaqa’ u sema’ l-argumenti kollha favur u kontra din ir-riforma, li tinkludi wkoll id-dikriminalizzazzjoni tad-drogi tal-abbuż.

Il-President tal-MŻPN Matthew Agius dan hu suġġett li jolqot b’mod speċjali liż-żgħażagħ. Kompla li wieħed irid iżomm f’moħħu li min jgħaddi mill-esperjenza tad-droga hu vittma. Minn naħa l-oħra enfasizza li pajjiżna jrid iżomm id iebsa mat-traffikant tad-droga.

David Caruana, f’isem Legalize It Malta kellu kliem t’apprezzament għall-inizjattiva tal-MŻPN li jiltaqa’ mal-partijiet kollha nteressati. Kompla li għal snin twal il-poplu Malti kellu l-attitudni li ma ssirx riforma fejn jidħlu d-drogi tal-abbuż. “Dan hu ħażin,” kompla Caruana, “għaliex persuna li għandu bżonn l-għajnuna jegħleb l-abbuż għandu jiġi mgħejun mhux ikkundannat.”

Anke hu tkellem kontra t-traffikanti tad-droga li huma biss interessati fil-flus li ddeskrivihom bħala l-agħar nies f’soċjeta’.