Lokali

Martin Galea jispjega x’għadda minnu fl-għaxart ijiem maħtuf

Kuntrarju għal dak li qal il-Gvern u xi ġurnali lokali, li saħansitra qalu li ma kienx maħtuf, Martin Galea għamel 10 t’ijiem f’ċella waħdu, li matulhom kien mhedded, sparaw tiri lejh u tħalla diversi jiem mingħajr ikel. Dan stqarru Martin Galea stess f’intervista mal-ġurnal The Malta Independent, li matulha jirrakkonta dak li għadda minnu meta nħataf fis-17 ta’ Lulju.

F’filmati mxandra mis-sit elettroniku tal-ġurnal, Martin Galea jirrakkonta l-mument meta eżatt inħataf mill-milizzji Libjani. Wara vjaġġ mill-post fejn inħataf, li stmaħ li dam madwar 10 minuti, Martin Galea qal li poġġewh f’kamra żgħira. Ħadulu ż-żarbun u l-kalzetti, l-arloġġ, il-kartiera, it-telefon ċellulari, kif ukoll baskett li fih kellu l-laptop u dokumenti marbuta max-xogħol tiegħu.

Għall-ewwel, il-Libjani kienu qalulu li se jeħilsuh, iżda meta ndunaw li Galea kien eks suldat, heddewh li se joqtluh għax, skont huma, għadu suldat u qatel ħafna Libjani. Għalxejn ipprova jispjegalhom li rtira mill-Armata fl-2007 u qatt ma kien f’xi azzjoni fir-rivoluzzjoni tal-2011. F’ħin minnhom, sema’ lil xi ħadd jgħajjat “ashkari”, li tfisser suldat bl-Għarbi, u spara tir li nifed il-bieb taċ-ċella u spiċċa fil-ħajt ftit ‘il bogħod minn ras Galea.

Irrakkonta kif fit-tieni jum kien sfurzat jagħti daqqiet lilu nnifsu b’injama bl-imsiemer. F’jum għeluq sninu, Galea kien konvint li se jinqatel u talab li jkollu mewta ta’ malajr b’arma tan-nar u mhux b’sikkina. Fil-pront, wieħed mill-Libjani spara żewġ tiri, li t-tnejn li huma spiċċaw qrib rasu. Is-Sibt, Galea seta’ jisma’ lil-Libjani li qabduh jippjanaw kif se jwettqu l-eżekuzzjoni tiegħu. Bdew isemmu kif se jorbtuh, jagħmlulu għamad fuq wiċċu u jieħduh biex jisparawlu. Wara, qalu li se jarmu l-katavru tiegħu fid-deżert.

Fl-intervista, jgħid li l-għada l-Ħadd, żewġ Libjani daħlu fiċ-ċella tiegħu, immanettjawh, għattewlu għajnejh u poġġewh fis-seat ta’ wara ta’ vettura. Kien hawn, li Martin Galea kien rassenjat u beda jħejji ruħu biex imut.