Kunsilli Lokali Lokali Parlament

Owen Bonnici għandu jiddikjara x’se jagħmel bla aktar dewmien – il-PN

Il-Ministru Owen Bonnici għandu jieqaf jinsulta l-intelliġenza tan-nies meta jgħid li għadu qed jikkonsulta dwar jekk għandhomx isiru l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali jew le. F’demokrazija ma titneħħiex elezzjoni, aħseb u ara kemm issir konsultazzjoni biex titneħħa xi elezzjoni.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li l-elezzjoni minnha nfisha hi l-ogħla forma ta’ konsultazzjoni u ma jagħmilx sens li ssir konsultazzjoni biex titneħħa l-ogħla forma ta’ konsultazzjoni. Il-PN qal li Owen Bonnici mhux qed juri rispett lejn is-Sindki, Viċi Sindki u Kunsillieri Lokali, kif ukoll dawk li jaspiraw li jkunu kandidati u li għadhom ma jafux fejn qegħdin, kif ukoll jekk hux jew meta se jibdew iħejju għall-elezzjoni tal-lokalità tagħhom.

Għaldaqstant, il-PN talab lil Owen Bonnici jieqaf jidħaq bin-nies u biex illum qabel għada jgħid bl-aktar mod ċar x’inhuma l-intenzjonijiet tal-Gvern. Għaldaqstant, il-Gvern għandu jippubblika l-abbozz ta’ liġi minnufih, inkella jirtirah, temmet tgħid l-istqarrija.