Lokali Parlament

Peter Paul Zammit qatt ma tkellem ma’ Rizzo dwar l-akkużi kontra Dalli

L-eks Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo ddikjara li l-Kummissarju ta’ warajh Peter Paul Zammit qatt ma kien kellmu dwar il-każ kontra l-eks Kummissarju Ewropew Malti John Dalli. Hekk kif laħaq Kummissarju tal-Pulizija, Peter Paul Zammit iddikjara li ma kienx hemm każ kontra Dalli. L-eks Kummissarju Rizzo ta din ix-xhieda importanti quddiem il-Kumitat Parlamentari tal-Privileġġi, ippresedut mill-iSpeaker Anġlu Farrugia.

Fil-Kumitat, il-Gvern kien rappreżentat mid-Deputat Prim Ministru Louis Grech, mill-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis u mid-Deputat Carmelo Abela, filwaqt li l-Oppożizzjoni kienet rappreżentata mid-Deputat Chris Said u mill-Whip David Agius. L-Avukat Pawlu Liia rrappreżenta lill-Prim Ministru. Il-Kumitat tal-Privileġġi ltaqa’ biex ikompli jisma’ l-każ li Muscat ressaq kontra l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, wara li dan sostna li kien hemm indħil fl-investigazzjonijiet dwar il-każ tal-eks Kummissarju Ewropew Dalli.

L-eks Kummissarju tal-Pulizija xehed li f’Ottubru 2013, hu kien avvinċat mill-Avukat Ġenerali, li nfurmah li kien irċieva r-rapport tal-OLAF dwar allegazzjonijiet ta’ tixħim li jinvolvu lill-eks Kummissarju Ewropew John Dalli, lin-negozjant Silvio Zammit u lill-Avukat Gayle Kimberlie, kif ukoll li kien jidher li hemm każ prima fcaie. John Rizzo sostna li minkejja dan ir-rapport, hu ħass li kellu jagħmel investigazzjoni mill-ġdid u għalhekk ħatar tim ta’ investigaturi li kienu jinkludu lid-Deputat Kummissarju Joe Cachia u lill-Uffiċjali tal-Pulizija Michael Cassar u Angelo Gafà.

Rizzo sostna li l-Pulizija reġa’ investiga l-każ mill-ġdid u mill-bidu, kif ukoll li fl-investigazzjonijiet kienu interrogati t-tliet persuni msemmija flimkien ma’ persuni oħrajn minn Swedish Match u mill-OLAF. Wara li l-eks Kummissarju Rizzo lesta l-investigazzjonijiet u kkonsulta mal-Avukat Ġenerali, kien hemm qbil li jittieħdu pasi kontra Dalli u Zammit. John Rizzo xehed li filwaqt li nħarġu l-akkużi kontra Silvio Zammit, ma sarx l-istess kontra John Dalli għax Dalli siefer u l-Avukat tiegħu beda jinforma kontinwament lill-Pulizija li ma setax jivvjaġġa minħabba mard.

L-eks Kummissarju tal-Pulizija kompla li qatt ma kellu ċans ikellem lil John Dalli, filwaqt li spjega wkoll kif il-Pulizija ma setgħetx tressaq lil Dalli b’ċitazzjoni minħabba l-gravità tal-każ. Spjega li hu kellu kontroll tal-investigazzjonijiet dwar il-każ, fosthom anke billi kellem lil Giovanni Kessler ħalli jikkonferma r-rapport tal-OLAF. Il-Pulizija Maltija ma qagħditx biss fuq dak li qal ir-rapport tal-OLAF. Wara li l-Pulizija kellha l-evidenza kollha u anke saru diskussjonijiet mal-Avukat Ġenerali, ittieħdet deċiżjoni li jibdew il-proċeduri, sostna l-eks Kummissarju tal-Pulizija.

Mistoqsi dwar l-akkużi fil-konfront ta’ Dalli, Rizzo qal li dawn kienu se jkunu li hu kien jaf b’dak kollu li kien isir fil-każ. John Rizzo ċaħad li fi żmien Gvern Nazzjonalista qatt ma kellu xi indħil, filwaqt li kkonferma li d-deċiżjonijiet ittieħdu kollha mit-tim investigattiv tal-Pulizija. Il-pożizzjoni tal-Pulizija li jittieħdu passi kontra Dalli u Zammit kienet ikkonfermata wkoll bil-miktub mill-Avukat Ġenerali, sostna John Rizzo.

L-ex Kummissarju tal-Pulizija qal li hu tneħħa minn Kummissarju tal-Pulizija fit-12 ta’ April 2013 u kkonferma li sakemm kien għadu Kummissarju, id-deċiżjoni dwar il-passi kontra Dalli u Zammit kienet baqgħet fis-seħħ. John Rizzo qal li hu kellu laqgħa mal-Prim Ministru Joseph Muscat, li fiha kien ordnat itemm il-kariga ta’ Kummissarju għax kien ilu 12-il sena Kummissarju. Filwaqt li tah din ir-raġuni, il-Muscat qallu wkoll li bħala Kummissarju tal-Pulizija, kien għamel xogħol pożittiv li ħalla riżultati tajbin. Tlieta mill-erba’ uffiċjali tat-tim investigattiv li kienu qed jinvestiga il-każ ta’ Dalli kienu trasferiti mill-pożizzjonijiet li kienu jokkupaw.

Għall-mistoqsijiet dwar ir-raġuni li ngħata għat-tneħħija tiegħu minn Kummissarju tal-Pulizija, John Rizzo qal li l-Prim Ministru semma’ biss li hu kien ilu 12-il sena Kummissajru. F’dan l-istadju, il-membri tal-Gvern oġġezzjonaw li jsiru mistoqsijiet lill-eks Kummissarju tal-Pulizija dwar ir-raġuni li ngħata għat-tneħħija tiegħu. Iżda John Rizzo kompla jispjega li meta hu kien talab lill-Prim Ministru biex jagħtih raġunijiet għaliex kien se jitneħħa, Muscat baqa’ jsostni li 12-il sena bħala Kummissarju hu perjodu twil wisq.

Filwaqt li sostna li l-Prim Ministru baqa’ jgħidlu li xtaq demm ġdid, John Rizzo qal li ma’ Muscat qatt ma ddiskuta xi każ partikolari. Sadanittant, il-Kumitat qabel li d-Direttur tal-OLAF Giovanni Kessler jixhed f’pajjiżna fil-15 ta’ Ottubru li ġej.