Lokali

Tonqos il-medja ta’ żieda fil-paga tal-ħaddiema

Il-paga tal-ħaddiem Malti bejn bejn 2013 u Marzu 2014 żdiedet b’madwar E100 biss filwaqt li fi-snin ta’ qabel din kienet tiżdied b’madwar E528 euros fis-sena. Din hi għafsa fuq il-paga tal-ħaddiema.

Dan sostnieh il-Kap tal-PN Simon Busuttil waqt laqgħa li l-Grupp Parlamentari Nazzjonalista kellu mal-GRTU lbieraħ. Fil-laqgħa ż-żewġ naħat tkellemu dwar l-ekonomija, il-kummerċ, is-sitwazzjoni fil-Libja, l-ismart card tal-istudenti u anki l-parkeġġ fil-Belt.

F’isem il-GRTU, il-President Paul Abela qal li l-GRTU qed titlob laqgħa urġenti tal-MCESD biex tkun diskussa l-qagħda fil-Libja għaliex din qed teffettwa ħafna negozjati Maltin li għandhom materjal maħżun fil-Libja.

Dwar il-Libja, Simon Busuttil espriema d-diżappunt tal-Oppożizzjoni li l-Gvern ma kkonsultaha jew informaha b’xejn, lanqas kunfidenzjalment meta kien hemm ċittadin Malti maħtuf.
Il-Kap tal-PN qal li kien il-PN li talab dibattitu fil-parlament għaliex sa dak il-mument il-pożizzjoni tal-Gvern kienet li m’hemmx ħtieġa ta’ allarm dwar il-Libja.

Kritika li ghamlet il-GRTU kienet dwar id-deċiżjoni tal-GRTU li jibdel is-sistema tal-ismart card tal-istudenti, li tammonta għal E7 miljun. Paul Abela sostna li s-sistema li kien hemm qabel kienet wahda li permezz taghha kien hemm kotnroll dwar l-infieq ta’ dawn il-fondi f’investiment fl-edukazzjoni.

Il-GRTU qed tikkritika wkoll deċiżjoni tal-Gvern li permezz tagħha l-għalliema li jgħallmu l-Belt mhux se jħallsu iktar CVA. Filwaqt li qal li l-GRTU mhix kontra l-għalliema, Paul Abela sostna li bl-istess argument anki s-sidien tan-negozji fil-Belt, li jinvestu l-miljuni u jħaddmu n-nies, għandu jkollhom l-istess trattament.

Simon Busuttil qal li dawn huma deċiżjonijiet ta’ Gvern populist li ma jarax l-interess nazzjonali iżda jara x’ikun jaqbillu fil-mument.

Hu qal li d-deċiżjoni tal-ismart cards ittieħdet wara li l-Gvern kellu kwistjoni li wasslet biex ir-riżultati tal-istudenti damu biex joħorġu. Dwn huma wkoll deċiżjonijiet bla konsultazzjoni, sostna l-Kap tal-PN.

Meta tkellem dwar l-ekonomija Simon Busuttil qal li minkejja li l-ekonomija għadha sejra tajjeb hemm diversi xejriet negattiv fosthom iż-żieda ta’ E25 miljun fl-iżbilanċ tal-gvern u ż-żieda ta’ E440 miljun fid-dejn tal-Gvern.

Filwaqt li semma l-laqgħat li l-PN qed ikollu m’a sidien tal-ħwienet, Simon Busuttil qal li jirriżulta li hemm tnaqqis fil-kummerċ, tnaqqis ta’ 12 fil-mija fil-produzzjoni industrijali u tnaqqis fl-importazzjoni.