Qorti

12-il xahar ħabs wara li fera Kuntistabbli tal-Pulizija kif ukoll li ħebb għalih u għal Surġent

Josef Sharfid, ta’ 39 sena residenti San Ġiljan, ġie kundannat 12-il xahar ħabs wara li nstab ħati li fit-30 ta’ Marzu 2012, għall-ħabta tal-11.30am fir-Rampa ta’ San Ġiljan, fera ħafif Kuntistabbli tal-Pulizija u ħebb għalih u għal Surġent, filwaqt li rreżistihom. Madankollu, il-Qorti rrakkomandat lid-Direttur tal-Ħabs biex jiskonta l-piena fit-Taqsima Forensika tal-Isptar Monte Carmeli minħabba l-problemi li għandu.

Sharfid wettaq dawn ir-reati hekk kif irreżista lill-Pulizija, li biex jikkalmawh kellhom ukoll jużaw it-taser. Mix-xhieda tal-vittma s-Surġent Paul Cassar, irriżulta li fil-ġurnata msemmija kien patrol f’Tas-Sliema mal-vittma l-ieħor il-Kuntistabbli Adrian Zahra. Waqt li kienu għaddejjin mit-triq prinċipali, ra karozza tat-tip Kia Mentor b’lewn aħmar li kienet qed tinstaq minn Sharfid.

Is-Surġent Cassar qal li Sharfid kien qed jiġi mfittex dwar allegazzjoni ta’ ksur ta’ kundizzjonijiet li kienu mponuti mill-Qorti fuq każ li kellu. Kif Sharfid rahom, kiser għal triq fuq ix-xellug tiegħu u sparixxa. Madankollu, reġa’ ntlemaħ wara li kien qed isuq b’veloċità qawwija u f’ħin minnhom kellu jieqaf għax inqabad fit-traffiku. Il-kollega tas-Surġent, il-Kuntistabbli Zahra, ħareġ mill-karozza u mar ikellem lil Sharfid min-naħa tal-passiġġier.

Dak il-ħin it-traffiku mexa u Sharfid saq ukoll biex spiċċa għadda minn fuq sieq il-Kuntistabbli bil-karozza tiegħu. Minkejja dan, il-Kuntistabbli Zahra xorta baqa’ jsuq u anke f’ħin minnhom ġera wara l-aggressur. Fortunatemt, minn testijiet li għamel fl-Isptar Mater Dei, irriżulta li ma kellu ebda ksur. Huma baqgħu jsegwu lil Sharfid u rnexxielhom iwaqqfuh, anke peress li l-Kuntistabbli Zahra kien qed isuq bil-karozza tiegħu. Ftit tal-ħin wara, ġew karozza ma’ karozza u Sharfid ipprova joħroġ, fejn għamel il-ħsara fuq il-karozza tagħhom.

Sharfid irnexxielu jaħrab, iżda skont ix-xhud il-Kuntistabbli qabdu ftit ‘il quddiem mill-Bank of Valletta. Xehdet ukoll il-Psikjatra Maria Axiaq, li qalet li Sharfid ilu pazjent tagħha għal dawn l-aħħar tliet snin, ibati minn kundizzjoni li meta jkun ħażin, ikollu problema li ma jaħsibhomx. Qalet ukoll li kull darba li sar test fuqu għal xi sustanza, it-testijiet dejjem kienu negattivi u jieħu l-mediċini għall-kundizzjoni li għandu. Qalet li mill-ewwel darba li ratu, għamel kambjament enormi għall-aħjar.

Min-naħa tiegħu, Sharfid qal li kien beda jibża’ li l-Pulizija riedu joqtluh. Beża’ ħafna meta dawn bdew isegwuh bis-sirena mixgħula, li meta qabduh sabbtuh mal-art u Pulizija għamillu rkobtejh max-xewka ta’ daharu, kif ukoll li mar Pulizija ieħor u għamillu l-qiegħ taż-żarbun ma’ wiċċu. Hu nstab ħati wkoll mill-Maġistrat Neville Camilleri li għamel ħsara fuq karozza tal-Korp tal-Pulizija u li kiser il-paċi pubblika. Madankollu, ma nstabx ħati li saq karozza b’manjiera perikoluża u li hedded jew inġurja lill-Pulizija.

Il-Qorti kkunsidrat il-fatt li Sharfid għandu kondotta kkulurita u għamlet ukoll rakkomandazzjoni lid-Direttur tal-Ħabs biex jingħata l-għajnuna u l-kura kollha neċċessarja fir-rigward ta’ saħħtu kif ukoll li jiskonta l-piena fit-Taqsima Forensika tal-Isptar Monte Carmeli. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Trevor Micallef.