Edukazzjoni Lokali Saħħa

Battibekk bejn il-MAM, l-UMASA, l-MUT u l-Università dwar il-Ftehim Kollettiv

Università ta' Malta

Is-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija, il-MAM, Martin Balzan ħabbar li nhar it-Tnejn li ġej il-lecturers kollha fl-Iskola Medika tal-Universita’ ta’ Malta, u li huma membri tal-Assoċjazzjoni, mhux se jkunu qed joffru lezzjonijiet.

Dan filwaqt li l-MAM qed titlob lill-Univeristà ta’ Malta, lill-Assoċjazzjoni tal-Istaff Akkademiku tal-Università ta’ Malta, l-UMASA, u lill-Union tal-Għalliema, l-MUT, biex iwaqqfu n-negozjati dwar it-tiġdid tal-ftehim kollettiv tal-istaff akkademiku.

Fi protest ġudizzjarju li ppreżentat fil-Prim’Awla tal-Qorti Civili, il-MAM talbet lill-Università ta’ Malta biex tagħtiha l-għarfien waħdieni għall-fini ta’ negozjar tal-istess ftehim kollettiv u tkompli n-negozjati dwaru magħha u mhux mal-UMASA u l-MUT.

Il-MAM qalet li l-UMASA u l-MUT qed jippretendu li jirrappreżentaw l-interessi tal-istaff akkademiku tal-Università ta’ Malta waqt in-negozjati tal-ftehim kollettiv għall-erba’ snin li ġejjin meta mhux huma imma hi l-MAM li għandha d-dritt li tinnegozja għan-nom tal-istaff akkademiku peress li tgawdi l-appoġġ tal-maġġoranza tal-membri tal-istaff akkademiku.

Skont il-MAM, l-UMASA għandha biss 293 membru reġistrat mentri hi għandha ’l fuq minn 400 membru. Għalhekk, waqt li semmiet kif ma tistax tifhem għaliex in-negozjati qed isiru mal-UMASA, il-MAM akkużat lill-Università ta’ Malta li qed timxi b’mod diskrimintorju magħha meta qed teskludiha min-negozati.

Ingħad ukoll li minbarra hekk kważi l-istaff kollu fl-Iskola Medika fl-Università ta’ Malta huma membri tagħha u għaldaqstant għandha rappreżentanza assoluta tal-istaff akkademiku f’din il-kategorija.

Il-MAM qed tinsisti li mhux biss għandha dritt bil-liġi li tirrappreżenta lill-istaff akkademiku imma anke d-dritt li tkun hi li jkollha l-għarfien waħdieni fl-Universita ta’ Malta.

Hija għalhekk wissiethom li jekk in-negozjati jkunu konklużi u l-ftehim kollettiv jiġi ffirmat kienet se tattakka l-validità tiegħu għax l-UMASA u l-MUT m’għandhomx id-dritt li jiffirmaw għan-nom tal-istaff akkademiku tal-Università.

B’rabta ma’ din il-kwistjoni l-Universita’ ta’ Malta għamlitha ċara li huma biss l-UMASA u l-Union tal-Għalliema, l-MUT, li għandhom rikonoxximent fuq l-akkademiċi kollha fl-Universita’ u l-Junior College.

Minn naħa tagħa l-UMASA fakkret kif matul il-Laqgħa Ġenerali Annwali tagħha nhar l-Erbgħa 30 ta’ Lulju, ittieħed vot unanimu favur mozzjoni li permezz tagħha l-Assemblea Ġenerali tal-UMASA kkundannat bil-qawwa dak li sejħitlu bħala attentat fl-aħħar ħinijiet biex ittellef in-negozjati leġittimi dwar il-ftehim kollettiv.