L-inħawi lejn in-Nofsinhar ta’ Tripli reġgħu sfaw ibbumbardjati bil-kbir waqt li komplew il-battalji bla heda bejn il-brigati tal-milizzji rivali, u grupp minnhom qed jipprova jaħtaf il-kontroll tal-ajruport ewlieni ta’ din il-belt kapitali. Il-battalji, intant, qed jiżvolġu fl-agħar ġlied li l-pajjiż qatt ra mir-rivoluzzjoni tal-2011 li qaċċtet lir-reġim tal-eksdittatur Libjan, Muammar Gaddafi.
Mal-200 persuna tilfu ħajjithom mindu l-battalji żbruffaw, ġimagħtejn ilu, fl-inħawi tal-kapitali kif ukoll fil-belt ta’ Bengażi lejn il-Lvant tal-kapitali, fejn koalizzjoni ta’ militanti Iżlamiċi u eksribelli, nhar it-Tlieta, irnexxielha taħtaf bażi tal-Armata ewlenija.
Il-belt ta’ Tripli, mill-bieraħ filgħodu, kienet qed tidwi bl-isparar tal-artillerija u l-kanuni għal kontra l-ajruplani. Dan minkejja li, fil-jum ta’ qabel, il-gruppi tal-aggressuri kienu qablu dwar waqfien mill-ġlied temporanju ħalli jippermettu biex l-iskwadri għall-emerġenzi lokali jitfu n-nirien kbar li qabdu ġo maħżen tal-fuel prinċipali li kien intlaqat b’missila.
//= $special ?>

