Editorjal

Editorjal: Ix-xhieda ċara li twassal għall-konklużjoni loġika ta’ ndħil politiku

Ilbieraħ kompla l-każ li ressaq il-Prim Ministru kontra l-Kap tal-Oppożizzjoni f’qorti magħmula minn Deputati Laburisti, għax Simon Busuttil qal li kien hemm indħil politiku biex jaqa’ l-każ tal-Pulizija kontra l-eks-Kummissarju Ewropew John Dalli.

Muscat imur f’qorti tiegħu flok f’qorti indipendenti.

Il-qorti tiegħu stess fejn Joseph Muscat deherlu li għandu jmur – flok ressaq il-każ f’qorti ta’ vera u indipendenti li ma jaħtarhiex hu – qed tkompli tisma’ x-xhieda li qed titlob l-Oppożizzjoni, għax il-Prim Ministru ma ressaq xhieda ta’ xejn.

Ix-xhieda fattwali u ċara tal-eks Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo
U lbieraħ xehed l-eks-Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo b’dawn il-fatti:

  • John Rizzo investiga l-każ indipendement mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) – reġa’ bena l-każ mill-ġdid, xehed Rizzo,
  • lil John Rizzo ħadd qabel l-aħħar elezzjoni qatt ma ndaħallu fil-każ,
  • John Rizzo kien se jressaq lil John Dalli l-Qorti akkużat li kien jaf li kienet intalbet somma kbira ta’ flus biex jinbidlu r-regolamenti Ewropej tat-tabakk,
  • ma’ dan qabel it-team investigattiv – l-Assistent Kummissarju Michael Cassar u l-Ispettur Angelo Gafà, u anke l-Avukat Ġenerali tar-Repubblika Peter Grech,
  • John Dalli ma setax jitressaq għax kien ma jiflaħx barra minn Malta,
  • malli tela’ Muscat, John Dalli ġie lura, John Rizzo ried jerġa’ jkellmu qabel iressqu, imma mill-ewwel il-Prim Ministru Muscat neħħa lil John Rizzo u lit-team investigattiv kollu, anke lil Michael Cassar u lil Angelo Gafà,
  • il-Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit li Muscat għamel wara John Rizzo waqqa’ l-każ u qatt ma kellem lil John Rizzo fuq il-każ.

L-unika ħaġa li waqqfet il-każ milli jmur il-Qorti kienet it-tneħħija immedjata ta’ John Rizzo wara l-elezzjoni…

Il-konklużjoni minn din ix-xhieda hi loġika u ċara għal kulħadd: il-ħaġa – u l-unika ħaġa – li waqqfet dan il-każ milli jmur il-Qorti kienet li Muscat neħħa lil John Rizzo li kien se jressaq il-każ il-Qorti, neħħa lill-investigaturi l-oħrajn tal-każ Michael Cassar u Angelo Gafà, u poġġa Kummissarju tal-Pulizija wieħed minn barra l-Korp li kien il-Prokuratur Legali tal-Partit Laburista. Li waqqa’ dan il-każ. U li fuq dal-każ qatt ma kellem lil min investigah qablu u kien se jressaq.

Ix-xhieda ċara li twassal għall-konklużjoni loġika ta’ ndħil politiku

Il-ħaġa – u l-unika ħaġa – li waqqfet dan il-każ milli jmur il-Qorti kienet it-tneħħija tal-investigaturi kollha u l-ħatra politika ta’ Kummissarju tal-Pulizija qrib il-partit politiku fil-gvern u li ħadem bħala Prokuratur Legali tal-partit politiku fil-gvern.

Il-konklużjoni ċara ta’ ndħil politiku hi l-konklużjoni loġika

U din hi l-konklużjoni ċara u loġika li jasal għaliha kull bniedem imdawwal biss mir-raġuni u mill-fatti kif ħarġu lbieraħ mix-xhieda ċara ta’ John Rizzo.