Lokali

“Għandna gvern li qed ibagħbas mal-ġustizzja, il-libertà u d-demokrazija” – Simon Busuttil

“Dan huwa gvern li qed ibagħbas mal-ġustizzja, il-libertà u d-demokrazija.”

Hekk saħaq il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt intervista li saritlu mill-Avukat Frank Psaila waqt il-programm Newsdesk, il-Ġimgħa filgħaxija fuq Radio 101.

Simon Busuttil spjega l-periklu meta l-Gvern jibda jilgħab mal-gustizzja.

“Meta tmiss il-ġustizzja, tmiss il-libertà, tmiss id-demokrazija ma jifdlilna xejn” sostna Simon Busuttil.

Huwa qal li dan jidher fil-mod kif il-gvern qed ikaxkar saqajh fil-każ tal-impeachment tal-Imħallef Farrugia Sacco kif ukoll fix-xhieda li qed tingħata fil-Kumitat tal-Privileġġi. Simon Busuttil saħaq li x-xhieda li qed tingħata fi ħdan dan il-kumitat tkompli toħroġ iktar biċ-ċar li fil-każ ta’ John Dalli kien hemm indħil politiku.

Simon Busuttil fakkar li kif inħatar Peter Paul Zammit bħala Kummissarju tal-Pulizija dan waqqaf il-każ kontra John Dalli li ftit wara nħatar bħala konsulent tal-Prim Ministru. Il-Kap tal-Oppożizzjoni saħaq li dan wassal biex xejjen il-fiduċja tan-nies fil-Pulizija. Huwa fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi li l-Oppożizzjoni ssuġġeriet li jinbidel il-mod kif jinħatru nies f’karigi għoljin bħal dik tal-Kummissarju tal-Pulizija iżda dawn il-proposti tal-Oppożizzjoni waqgħu fuq widnejn torox.

B’referenza għad-deċizjoni tal-gvern li jipposponi l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali, Simon Busuttil qal li din id-deċiżjoni tmur kontra d-demokrazija u d-dritt li l-elettorat jagħmel l-għażla tiegħu. Il-Kap tal-Oppożizzjoni fakkar li d-dati tal-2015 u l-2019 huma ffissati fil-liġi u għaldaqstant din il-bidla tinħtieġ bidla fil-liġi. Kien hawnhekk li l-Kap tal-Oppożizzjoni sfida lill-Prim Ministru biex jirtira din id-deċiżjoni.

B’referenza għall-każ tal-ħtif ta’ Martin Galea, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista staqsa jekk il-poplu Malti u l-Kap tal-Oppożizzjoni nnifsu kellhomx isiru jaf b’dan il-ħtif mill-media u wera d-diżappunt tiegħu għal dak li ġara wara meta l-Gvern ta verżjoni differenti minn dik li ta Martin Galea nnifsu.

Meta mistoqsi dwar il-kontijiet tad-dawl u l ilma, il-Kap tal-Oppożizzjoni fakkar li r-roħs fil-kontijiet issa ssarraf f’tanker bil-ħażna tal-gass, fi ftehim li se jkun qed jorbot lill-gvern għal-18-il sena minkejja li l-prezz se jinżamm fiss għal ħames snin biss u fil-privatizzazzjoni tal-Enemalta.

Huwa jitkellem dwar l-aħħar statistika li turi tnaqqis fil-qgħad Simon Busuttil saħaq li wieħed irid jara l-istampa kollha u jiftakar li l-gvern żied l-ammont ta’ ħaddiema mal-Gvern u dan kompla sploda l-ispiża tal-gvern. Huwa fakkar ukoll li filwaqt li l-paga minima żdiedet b’mitt ewro fuq is-sena ta’ qabel, fi żmien Gvern Nazzjonalista din żdiedet b’iktar minn 500 ewro fis-sena.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem ukoll dwar it-tibdil li sar fl-istrutturi tal-partit u qal li xorta għad hemm sfidi li jridu jiġu indirizzati, fosthom l-aġġornament tal-politika tal-partit, it-titjib fil-media u s-sitwazzjoni finanzjarja li għadha sfida kbira. Simon Busuttil ħabbar li f’Settembru se jkun qed iħabbar l-ewwel grupp ta’ uċuħ ġodda li se jkunu kandidati għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar li l-festi tal-Indipendenza mtellgħin mill-Partit Nazzjonalista se jsiru bejn is-16 u d-19 ta’ Settembru biex imbagħad il-poplu Malti jiċċelebra din il-festa bħala poplu wieħed fiċ-ċelebrazzjoni uffiċjali tal-Istat fl-20 u fil-21 ta’ Settembru.