Wara li l-militanti Iżlamiċi ddikjaraw stat Iżlamiku fil-belt ta’ Bengażi, filwaqt li fi Tripli qed ikompli l-ġlied fil-periferiji, diversi pajjiżi mill-Brażil sal-Greċja komplew jevakwaw lil nieshom mil-Libja. Hemm ukoll xi pajjiżi, bħall-Vjetnam, li qed ikollhom problemi biex jevakwaw lil eluf ta’ ċittadini li hemm jaħdmu fil-pajjiż.
Dan qed iseħħ fl-istess waqt li t-Tuneżija wissiet li kienet se tagħlaq il-fruntiera jekk jikkrolla kollox fil-Libja. Il-Gvern Tuneżin qal li ta’ kull jum qed jaqsmu mil-Libja madwar 5,000 persuna lejn it-Tuneżija u għalhekk il-pajjiż mhux f’pożizzjoni jlaħħaq ma’ baħar ta’ refuġjati. L-awtoritajiet fi Tripli qed iwissu li s-sistema tal-kura tas-saħħa fil-Libja tinsab f’xifer li tikkrolla minħabba li l-Indjani u l-Filippini li l-isptarijiet kienu jiddependu fuqhom qed jaħarbu mill-pajjiż.
Sadanittant, l-awtoritajiet Eġizzjani arrestaw 300 Eġizzjan li kienu qed jippruvaw jirritornaw lura pajjiżhom mil-Libja iżda ma kellhom id-dokumenti meħtieġa. L-Eġittu wkoll esprima tħassib li l-Libja se tiżviluppa f’sitwazzjoni li tkun ta’ theddida għas-sigurtà nazzjonali Eġizzjana.
F’Bengażi, li hi l-benniena tar-rewxita kontra d-ditattura ta’ Gaddafi, folla nies inġabret biex tkeċċi lill-militanti Iżlamiċi mill-Isptar Al-Jala, li kienu ħadu taħt idejhom. Fl-istess waqt li qed ikompli l-ġlied madwar Bengażi u Tripli, in-nofsinhar tal-Libja kien deskritt bħala territorju fil-kaos fejn intilef kull kontroll tal-fruntieri.
//= $special ?>

