Il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabbiltà (KNPD) fi stqarrija appellat lill-awtoritajiet biex iħarrxu l-pieni għal min jipparkja fuq parkeġġ riservat għal persuni b’diżabbiltà.
Il-KNPD fi stqarrija qalet li tirċievi kontinwament ilmenti minn persuni b’diżabbiltà li għandhom il-blue badge li jsibu karozzi pparkjati fil-parkeġġi riservati għall-persuni b’diżabbiltà u li ma jkollhomx il-blue badge fuq id-dashboard. Dan huwa ta’ detriment qawwi għal min għandu l-blue badge għax ifisser li dak li jkun ikollu jsib parkeġġ alternattiv u jbati minn skariġġ biex jasal fejn jixtieq imur jew inkella jaqta’ qalbu u jmur lura d-dar.
Għaldaqstant, il-KNPD ipproponiet li l-multa li bħalissa hi ta’ €23, titla’ għal €230 biex isservi ta’ deterrent akbar għal min jisker il-liġi.
Il-KNPD fakkret li l-blue badge tagħti l-vantaġġ li wieħed jista’ jsib parkeġġ f’ċertu postijiet ċentrali. Il-blue badge teżisti għax hawn nies li jbatu minn diversi kundizzjonijiet li magħhom iġibu t-tbagħtija u l-iskariġġ u l-blue badge isservi ta’ għajnuna biex ittaffi ftit minn dawn l-elementi negattivi fil-ħajja tal-persuni b’diżabbiltà.
Il-KNPD fakkret li mhux kull persuna reġistrata magħha għandha l-blue badge. Din tingħata wara li l-applikant jiġi eżaminat minn tabib indipendenti kemm mill-applikant kif ukoll mill-KNPD u fejn il-blue badge ma tingħatax, wieħed jista’ jappella minn din id-deċiżjoni.
Fl-aħħarnett il-KNPD fakkret li l-blue badge hija dokument uffiċjali tal-Gvern u l-falsifikar jew l-użu abbużiv tiegħu huwa ħażin daqs l-iffalsifikar ta’ passaport, ta’ karta tal-identità jew ta’ dokument uffiċjali ieħor.
//= $special ?>