L-Assoċjazzjoni Medika Maltija(MAM) habbret numru ta’ direttivi fosthom strike ta’ siegha mifrux fis-settur tas-sahha nhar it-Tlieta li ġej. Dan wara li l-istess Assocjazzjoni irreġistrat tilwima industrijali b’effett immedjat mal-Ministeru tas-Saħħa u l-Enerġija wara li l-Assoċjazzjoni qed tisħaq li l-ftehim kollettiv mhux qed ikun onorat.
L-istrike fis-saħħa se jidhol fis-seħħ bejn it-tmienja u d-disgħa ta’ filgħodu u jeskludi l-wards, l-emergenza u t-teatri tal-operazzjonijiet.
L-istqarrija tal-MAM indirizzata mis-Segretaraju Ġenerali Martin Balzan tirreferi għall-implimentazzjoni tal-progress fil-karriera għal numru ta’ gradi u n-nuqqas ta’ sessjonijiet żejda għal speċjalisti residenti.
L-istqarrija tirreferi wkoll għall-introduzzjoni ta’ sejħa għall-interess għal serħan mix-xogħol ta’ bil-lejl fiċ-ċentri tas-saħħa u l-ħtieġa ta’ xift bejn il-ħamsa u t-tmienja ta’ filgħaxija wara x-xift ta’ bil-lejl minkejja li l-MAM saħqet li dan huwa illegali.
B’referenza għall-Isptar ta’ Għawdex il-MAM tgħid li numru ta’ tobba ma tħallsux skont il-ftehim kollettiv. Dan minbarra li numru ta’ konsulenti irtirati mhux qed jirċievu l-ħlas tagħhom skont il-ftehim kollettiv.
Fl-aħħarnett l-Assoċjazzjoni tfakkar li għadha ma ħarġitx is-sejħa għal numru ta’ konsulenti – sejħa li hija meqjusa bħala waħda urġenti.
Intant din id-deċiżjoni tal-MAM wasslet għall-kundanna mill-Union tal-Infiermieri u l-Qwiebel li fi stqarrija akkużat lill-MAM b’ipokrezija u li dawn id-direttivi ttieħdu b’detriment għall-pazjenti.
Fl-istqarrija tagħha l-MUMN qalet li l-MAM dejjem akkużatha li hi union militanti għax toħroġ id-direttivi. Kompliet li issa hi l-istess MAM li adottat strateġija militanti b’direttivi li se jolqtu negattivament lill-pazjenti.
L-MUMN akkużat ukoll lill-MAM b’bullying u li qed tippretendi li l-Universita’ ta’ Malta tmur kontra l-liġi industrijali u tinnegozja magħha meta mhix rikonoxxuta industrijalment u m’għandiex il-maġġoranza tal-lecturers bħala membri tagħha.
Barra minn dan, l-MUMM kompliet li l-MAM qed twettaq pressjoni fuq l-Universita’, kontra l-ispirtu tar-relazzjonijiet industrijali, u li qed tinqeda bis-saħħa tal-pazjenti biex tikseb l-għanijiet ambizzjużi ħafna tagħha.
Fid-dawl ta’ dan l-MUMN appellat lill-MAM biex ma tużax iżjed lill-pazjenti biex tpoġġi pressjoni fuq l-Universita’ ta’ Malta u qalet li l-Union tat-Tobba qed tmur kontra l-etika industrijali u legali.
//= $special ?>