Qorti

Illiberat bil-kundizzjoni wara li sawwat u hedded anzjan

Emanuel Zerafa, ta’ 56 sena minn Ħaż-Żebbuġ, ġie lliberat bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien sentejn wara li nstab ħati li fis-17 ta’ Novembru 2013, għall-ħabta tas-7.10pm f’Misraħ Muxi f’Ħaż-Żebbuġ, sawwat u hedded lil Filippo Mifsud, anzjan ta’ 75 sena. Il-Qorti ordnat lil Zerafa jħallas is-somma ta’ €255 lil Mifsud għan-nuċċali li kissirlu wara li kkaġunalu wkoll feriti ħfief.

Zerafa kien qal lill-Pulizija li meta kien ġej mill-Quddies u kien se jdaħħal il-karozza tiegħu fil-garaxx, wasal Mifsud bir-rota u kellhom xi jgħidu tant li bdew jitgħajjru bl-addoċċ. F’ħin minnhom rah ukoll joħroġ mus għalih mill-but tiegħu. Zerafa qal li hu mbotta lil Mifsud u dan waqa’.

Min-naħa tiegħu, Mifsud qal li kien għadu ġej mill-Quddies u meta mar biex jiftaħ il-bieb sab lil Zerafa ma’ wiċċu, li tah daqqa ta’ ponn u qabadlu r-rota li kien fuqha u beda jimbuttah biha. Mifsud qal li hu waqa’ u Zerafa qabad seratizz li kien hemm fil-qrib u tah daqqa oħra bih. Dwar il-ġlieda, Mifsud qal li din seħħet wara li kien talbu biex ineħħi t-tractor li kellu peress li kien qed ibajjad il-bitħa. Minħabba li dan hu kbir, fil-bitħa ma setgħux jarmaw u għalhekk qabad jagħtih mill-ewwel.

Mifsud qal li wara kien mar iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana u tawh ċertifikat mediku biex imbagħad mar għand tal-għajnejn, il-Belt, biex jieħu stima ta’ nuċċali ġdid. Hu ċaħad li kien ħareġ il-mus għalih u qal li ħareġ biss iċ-ċavetta tal-bieb tad-dar biex jiftaħ. Mifsud qal ukoll li ddeffenda lilu nnifsu billi qabad ir-rota tiegħu minħabba l-agressjoni ta’ Zerafa. Qal ukoll li mart Zerafa kienet marret ma’ żewġha biex isawwtuh.

Zerafa ma nstabx ħati li kiser il-paċi pubblika u li qal xi kliem oxxen. Lanqas ma nstab ħati li kkaġuna biża’ li se tintuża’ vjolenza fuq Mifsud u li nġurja lil Mifsud. Il-Qorti kkunsidrat il-fatt li Zerafa għandu kondotta raġjonevoli u għalhekk illiberatu bil-kundizzjoni. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Roderick Agius.