Lokali

Investigazzjoni dwar intervisti tal-għalliema

Il-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol qed jagħmel investigazzjoni dwar l-allegazzjonijiet serji li saru mill-Malta Union of Teachers (MUT) dwar kondotta mhux xierqa waqt l-interviews li saru lil dawk li applikaw għal professjoni tal-għalliema.

Jidher li fost il-mistoqsijiet li saru lil applikanti nisa minn xi membri tal-interviewing board kien hemm jekk huma hux qed jippjanaw li jkollhom tfal jew dwar il-pjani tagħhom għat-trobbija tat-tfal.

Dan il-każ kien żvelat minn ittra li Kevin Bonello, il-President tal-MUT kiteb liċ-Chairman tal-Kummissjoni tas-Servizzi Pubbliku u lis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol. Din l-ittra tpoġġiet fuq il-website tal-MUT.

Fiha Kevin Bonello qal li l-MUT ilha għal dawn l-aħħar xhur tirċievi ilmenti dwar il-metodu li qed jintuża minn ċerti interviewing boards. Hu jfakkar li filwaqt li fis-snin li għaddew l-intervisti kienu jsiru minn Diretturi, Assistenti Diretturi u Uffiċjali Edukattivi fid-Direttorat tal-Edukazzjoni, issa qed isiru minn uffiċjali irtirati minn setturi li m’għandhomx x’jaqsmu mal-edukazzjoni. Dan juri li l-intervisti qed isiru b’mod dilettantesk u mhux professjonali u dan b’detriment għal applikanti.

Il-Ministeru tal-Edukazzjoni qal li jekk dak li qalet l-MUT hu minnu, dan hu inaċċettabbli għal Ministeru u se jittieħdu passi kontra min ġab ruħu b’dak il-mod. Għalhekk talab il-kollaborazzjoni tal-MUT f’din l-investigazzjoni.

Aktar kmieni, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru talab li tingħata spjegazzjoni ċara u qal li jekk l-allegazzjoni hi minnha, l-Gvern jieħu azzjoni immedjata.