Iż-żidiet li rajna matul din is-sena s’issa, li kienu ferm anqas minn dawk li rajna fl-2013, intilfu f’temp ta’ ġimgħa. Bosta aħbarijiet negattivi minn madwar id-dinja kollha wasslu għal dan. Il-falliment tal-Arġentina, li naqset milli tħallas djun li kellha, kif ukoll aktar sanzjonijiet fuq ir-Russja, wasslu għal aktar inkwiet fis-swieq finanzjarji.
Fost l-oħrajn, is-Suq Ġermaniż tilef kważi 4% f’ġimgħa. Is-swieq Amerikani Dow Jones u S&P 500 raw żieda f’kull xahar matul din is-sena, ħlief għal Lulju. Statistika dwar ħolqien ta’ impjiegi fl-Istati Uniti wkoll kienet fqira u dan wassal biex aktar investituri bdew ibigħu l-ishma tagħhom.
Għat-tieni darba fi 13-il sena, l-Arġentina tinsab falluta. Dan wara li Qorti Amerikana ddeċidiet li bonds li ma kienux tħallsu 12-il sena ilu, għandhom jitħallsu. B’kollox, grupp Amerikan għandu jieħu $539 miljun. Il-Gvern Arġentin qed jikkontesta din iċ-ċifra. L-ishma ta’ kumpaniji fl-Arġentina niżlu b’aktar minn 8%, hekk kif tħabbar li ma kienx hemm flus biex jitħallsu dawn il-bonds. Jidher li dan jista’ joħloq inċertezza kbira.
L-aktar aħbar li ħalliet effett negattiv fuq is-swieq ġiet mill-Portugall. Bank kbir Portugiż, Banco Espirito Santo, irreġistra telf ta’ kważi $5 biljun. L-ishma fil-Portugall qabdu t-triq tan-niżla, bl-ishma ta’ dan il-bank partikolari jinżlu minn €1.20 kull sehem f’Jannar għal 20ċ fl-aħħar ta’ Lulju. Jidher li dan it-tnaqqis mhux qed ikun reġistrat fis-swieq tal-bonds.
Hekk kif intemmet it-Tazza tad-Dinja, bil-Ġermanja tirbaħ din l-edizzjoni u jkollhom lil Adidas bħala sponsor, ħarġet aħbar ferm negattiva fuq din il-kumpanija internazzjonali. Il-profitti għat-tieni kwart tas-sena niżlu b’16%. Dan wassal biex matul il-ġurnata tal-bieraħ, l-ishma ta’ Adidas tilfu 16% tal-valur tagħhom f’temp ta’ ftit sigħat.
Kienet ġimgħa diżappuntanti għall-Isterlina wara li statistika fuq manifattura uriet li r-ritmu li nqabad fl-aħħar xhur qed ibatti.
Dan l-artiklu hu miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd | www.mpmci.net | tel 21493250
L-informazzjoni u ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma pprovduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.
//= $special ?>